Fl-ewwel legs tal-play-offs tal-UEFA Champions League, fl-aktar partita mistennija kienu Real Madrid li għelbu lil Manchester City 3-2. Manchester Ctiy fil-vantaġġ wara 19-il minuta permezz ta’ Erling Haaland. Real Madrid ġabu l-iskor indaqs mas-siegħa logħob b’gowl ta’ Kylian Mbappe. It-tim ta’ Pep Guardiola fil-vantaġġ għaxar minuti wara b’penalty ta’ Haaland. Real Madrid dawru l-iskor fl-aħħar erba’ minuti tal-partita, l-ewwel kien is-sostitut Brahim Diaz li għamel l-iskor 2-2 mbagħad fil-ħin mogħti żejjed kien Jude Bellingham li għamel l-iskor 3-2.
Rebħa wkoll importanti għal Juventus li f’Turin għelbu lil PSV 2-1. Weston McKennie fetaħ l-iskor għal Juventus. Ivan Perisic ġab l-iskor indaqs fit-tieni taqsima qabel ma tmien minuti mit-tmiem kien Samuel Mbangula li għamilhom 2-1.
F’konfront bejn żewġ timijiet Franċiżi kienu PSG li għelbu lil Brest 3-0. Penalty ta’ Vitinha wara 21 minuta poġġa lil PSG fil-vantaġġ biex gowl f’kull taqsima ta’ Ousmane Dembele għamel l-iskor 3-0.
Rebħa identika għal Borussia Dortmund fuq Sporting. Il-gowl ta’ Dortmund waslu kollha fit-tieni taqsima permezz ta’ Serhou Guirassy, Pascal Gross u Karim Adeyemi.
//= $special ?>