Lokali

“Robert Abela jeħel mill-eżami tal-governanza tajba” – PN

L-aħbar li Malta niżlet għaxar postijiet fit-Transparency International Corruption Perceptions Index (CPI) tfisser li Robert Abela weħel mill-eżami tal-governanza tajba.

Taħt Robert Abela pajjiżna mhux biss niżel fil-65 post imma għall-ewwel darba pajjiżna ġab inqas minn 50 punt (46 punt). Dan ir-riżultat medjokri jikkonferma li Robert Abela qed iżomm mal-patt imxajtan li għamel ma’ Prim Ministru li kien iddikjarat bħala l-Korrott tas-Sena.

Kien dan li ntqal fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista miktuba mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina u x-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete, Claudette Buttigieg.

L-istqarrija tkompli tgħid li minflok jiġġieled il-korruzzjoni, Robert Abela jrid b’għaġla kbira jgħaddi liġi dwar l-Inkjesti Maġisterjali biex ineħħi d-dritt li għandu ċ-ċittadin privat li jitlob lill-Maġistrati jinvestigaw. Robert Abela jrid jgħaddi din il-liġi għax jaf li lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jista’ jikkontrollah u jiġbidlu l-ispag.

Fi tnax-il sena l-Partit Laburista rnexxielu jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u ħoloq sistema ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata. Se jkunu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin li jbatu l-konsegwenzi ta’ dan il-falliment ta’ Robert Abela.

Din hija inġustizzja kbira mal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba li ta’ kuljum jistinkaw biex jimxu mal-liġijiet ta’ pajjiżna. Dan huwa inġust ukoll mal-eluf ta’ ħaddiema tal-gvern u l-aġenziji, entitajiet u awtoritajiet tiegħu li huma mxebbgħin mill-abbużi li qegħdin jitwettqu mill-Gvern ta’ Robert Abela. Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li l-ħaddiema tal-gvern għandhom jitħallew ħielsa jaqdu d-dmirjiet tagħhom mingħajr indħil politiku u mingħajr il-biża’ li l-Gvern se jeħodha kontrihom jekk jitkellmu u jwaqqfu l-abbuż.

Minkejja dan ir-riżultat negattiv, Robert Abela u l-Ministri tiegħu qegħdin jibqgħu jittrattaw liċ-ċittadini, lis-soċjetà ċivili u lill-ġurnalisti bħala l-għadu tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jkompli jiġġieled l-abbużi li qegħdin iwettqu Robert Abela u l-Ministri tiegħu.