Lokali

Ryanair tkompli tinsisti għal inqas taxxi għall-avjazzjoni

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair Michael O’Leary għal darb’oħra sejjaħ sabiex l-Unjoni Ewropea tabolixxi t-taxxi tal-avjazzjoni.

Dan intqal minn O’Leary f’kumment ma’ NET News, waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet organizzata fl-uffiċini tagħhom f’Tal-Pieta.

O’Leary stqarr li pajjiżi bħal Malta, Ċipru u l-Irlanda qegħdin fi żvantaġġ ikbar minħabba li qegħdin fit-tarf tal-kontinent, u jiddependu fuq l-ivjaġġar bl-ajru. U b’hekk, mhux sew li jiġu penalizzati.

Rigward it-titjiriet lejn Malta, O’Leary ħabbar li l-kumpanija Ryanair se ttir lejn żewġ destinazzjonijiet ġodda fis-sajf ta’ din is-sena – Glasgow fl-Iskozja u Rzeszow fil-Polonja. U b’hekk, it-total ta’ rotot fis-sajf tal-2025 se jkunu 68.

Se tiżdied ukoll il-frekwenza ta’ 18-il rotta differenti, fosthom lejn Barċelona, Milan, Stokkolma u Żagreb.

Dan kollu sar possibli biż-żieda ta’ ajruplan ġdid fil-flotta, biex b’hekk se jkun hawn 8 ajruplan tar-Ryanair ibbażati f’Malta – pass li jkompli jibni fuq il-viżjoni li kellu Gvern Nazzjonalista.

O’Leary semma’ wkoll is-suċċess tal-kumpanija bħala l-irħas linja tal-ajru fl-Ewropa.

Huwa mistenni li jkun hemm żieda fl-ammont ta’ passiġieri li jużaw Ryanair, bi stima ta’ 5 miljun passiġġier matul din is-sena; żieda ta’ iżjed minn nofs miljun passiġier mis-sena l-oħra.

O’Leary semma’ wkoll kif apparti x-xogħolijiet li l-kumpanija Ryanair pprovdiet lill-Malta, huma ħolqu akkademja tal-inġinerija, li biha jistgħu jagħtu taħriġ lill-Maltin li jixtiequ jidħlu f’dan is-settur, fi żmien ta’ erba snin biss, kif ukoll kors tal-cabin crew li se jibda f’Marzu.