Internazzjonali

Stati Uniti: Proċessat dwar l-attakk ‘kważi fatali’ tal-2022 fuq Salman Rushdie

Qorti fi New York, bħalissa, qed tipproċessa lil raġel akkużat dwar attakk li kważi sewa l-ħajja ta’ Salman Rushdie, l-awtur tal-ktieb kontroversjali The Satanic Verses u li fis-sajf tal-2022 kien spiċċa aggredit fuq il-palk waqt avveniment letterarju u fil-preżenza ta’ udjenza kbira ta’ nies….Attakk li fih Rushdie spiċċa jaqla’ talanqas għaxar daqqiet ta’ sikkinna. bil-konsegwenza li hu spiċċa għama f’għajn waħda.

Fl-aħħar sigħat, il-qorti semgħet ix-xhieda ta’ Salman Rushdie li fl-aħħar tas-snin tmenin kien ikkundannat għall-mewt mit-Tmexxija tal-Iran b’riżultat tal-pubblikazzjoni ta’ The Satanic Verses….Ktieb ibbażat fuq storja fittizja u li l-Musulmani jemmnu li jinkludi diversi insulti u l-kalunji inaċċettabbli kontra l-Islam, il-Koran u l-Profeta Mohammed.

Sadanittant, l-imputat, Hadi Matar, l-aggressur ta’ 27 sena, hu akkużat li wettaq l-attakk brutali fuq Rushdie – bil-Prosekuzzjoni, waqt l-ewwel kummenti, tisħaq li l-attakk ta’ dakinar tant seħħ malajr li l-awtur litteralment ma kienx jaf x’laqtu.

L-aggressur kien spiċċa mrażżan wara li rnexxielu jferi sew lill-awtur, iżda l-avukati li qed jidhru għal Matar qed jippruvaw jixħtu dubju dwar in-newtralità tal-uffiċjali tal-pulizija li jridu jitilgħu jagħtu x-xhieda tagħhom bħala parti mill-proċess.

Madankollu, wieħed mill-persuni li dakinar kien intervjena biex iwaqqaf l-attakk sfrenat fuq Rushdie, fl-aħħar sigħat, identifika lil Matyar bħala l-aggressur responsabbli.

Il-proċess tal-qorti fi New York kapaċi jdum għaddej bejn ġimgħa u għaxart ijiem u fejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża se jkomplu jtellgħu x-xhieda biex jirrakkuntaw dwar x’seħħ waqt dak il-jum drammatiku.