Internazzjonali

Stati Uniti: Trump irid akkost ta’ kollox jippersisti bil-pjani għal Gaza…fost il-pressjoni għall-Ġordan u l-Eġittu

Il-President Amerikan, Donald Trump, beħsiebu jippersisti, akkost ta’ kollox, bil-pjan li jippermetti biex l-Istati Uniti, ‘il quddiem, tieħu kontroll fil-Medda ta’ Gaza.

Dan meta Trump qed iħejji biex jilqa’ lir-Re Abdullah tal-Ġordan u wara li l-President Amerikan kien issuġġerixxa li ‘kapaċi jżomm lura l-għajnuna lill-Ġordaniżi u lill-Eġittu’ f’każ li huma ma jikkooperawx mal-pjan ‘għall-futur ta’ Gaza’ ….Pjan li jesiġi wkoll għar-rilokazzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana fl-artijiet tal-Ġordan u t-territorji tal-Eġizzjani.

Is-sitwazzjoni – u l-aġir intransiġenti ta’ Trump – wittew it-triq għal konfront diplomatiku mill-aktar serju bejn Washington u ż-żewġ pajjiżi Għarab li huma alleati importanti tal-Amerikani fil-Lvant Nofsani.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, jinsab attent biex pajjiżu jgawdi kemm jista’ minn dan l-istat ta’ konfużjoni u inċertezza fuq livell reġjonali.

Dan waqt li Netanyahu qed iwiegħed ‘azzjonijiet bla heda’ biex jaċċertaw il-ħelsien, bla kundizzjonijiet, tal-ostaġġi li għadhom miżmuma mit-terroristi tal-Ħamas f’Gaza. Min-naħa tagħhom, tal-Ħamas qalu li, għalissa, qegħdin jipposponu l-ħelsien ‘li jmiss’ tal-ostaġġi li fadal fl-artijiet tal-Palestinjani.

Intant, Donald Trump ma ħasibhiex darbtejn biex jikkummenta li ‘l-Iżraeljani għandhom ixolju l-waqfien mill-ġlied attwali mal-Ħamas u jiftħu infern totali fuq Gaza  dment li t-terroristi ma jeħilsux lill-ostaġġi kollha sa nhar is-Sibt.’

Il-Ħamas, intant, wieġeb li ‘din il-lingwa ta’ theddid ma fiha l-ebda valur’, bil-Palestinjani f’Gaza qed jinsistu li Donald Trump qatt mhu se jirnexxi ‘fil-pjani tiegħu għat-territorju tagħhom’.

Għad fadal xi 17-il ostaġġ Iżraeljan li suppost inħelsu diġà skont il-kundizzjonijiet tal-ewwel fażi tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied – u meta issa sar magħruf li tmienja minnhom laħqu mietu fi priġunerija. Intant, Iżrael, fl-aħħar jiem ħeles il-mijiet tal-Palestinjani mill-ħabs bħala parti mill-ftehim inkwistjoni.