Internazzjonali

Trump jiddikjara li se jħassar il-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied jekk ma jinħelsux l-ostaġġi Iżraeljani

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump wissa li “ser jinqala’ l-infern kollu” jekk il-Hamas ma jirritornawx l-Iżraeljani li jinstabu miżmumin ostaġġi sa nofstanhar tas-Sibt li ġej.

Wara li l-Hamas hedded li jtawwal il-proċess għall-ħelsien ta’ dawn l-individwi, Trump talab lil Iżrael sabiex jikkanċella l-waqfien mill-ġlied f’Gaza jekk dawn l-individwi ma jinħelsux

Meta Trump ġie mistoqsi x’ried ifisser meta qal li “jinqala’ l-infern kollu” huwa wieġeb billi stqarr li jekk dawn l-individwi ma jaslux qawwijin u sħaħ, il-militanti tal-Hamas ser isiru jafu x’ried ifisser permezz ta’ din l-istqarrija.

Minn mindu ġiet stabilita l-waqfa mill-ġlied ix-xahar li għadda, Iżrael u l-Hamas wettqu ħames skambji, u ħelsu 21 ostaġġ u aktar minn 730 priġunier Palestinjan.

L-iskambju tas-Sibt kien stabbilit biex jeħles tliet ostaġġi Iżraeljani bi tpattija għal mijiet ta’ priġunieri Palestinjani.