Lokali

“Abela maħkum mill-fazzjoni faxxista fi ħdan il-Labour” – Il-PN

Fil-Parlament jiftaħ attakk fuq il-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista u jirrepeti l-allegazzjonijiet ta’ Karl Stagno Navarra

Robert Abela jinsab dahru mal-ħajt u jinsab maħkum minn fazzjoni faxxista fil-Partit Laburista li qed jirkeb fuq il-karru tagħha f’tentattiv iddisprat li jiddevja l-attenzjoni minn fuq l-iskandli u l-korruzzjoni li bihom huwa mifni l-Gvern li jmexxi.

Proprju fl-istess jum li Transparency International niżżlet lil Malta għaxar postijiet oħra ’l isfel fl-indiċi internazzjonali tal-korruzzjoni, mingħajr mistħija ta’ xejn Abela mar fil-Parlament u attakka lill-Partit Nazzjonalista u l-ħaddiema tiegħu.

Fil-Kamra tad-Deputati lbieraħ filgħaxija Abela rrepeta l-allegazzjonijiet ta’ Karl Stagno Navarra dwar il-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista u l-media tiegħu u filwaqt li bl-istess liġi li tkellem dwarha Abela lbieraħ stess fil-Parlament, il-Labour irid ineħħi d-dritt li ċ-ċittadini li jiftħu inkjesta maġisterjali, issa l-Prim Ministru qed jgħidilna li jrid jagħmel inkjesta dwar il-pagi u l-bolol tal-ħaddiema tad-Dar Ċentrali tal-PN.

Il-Partit Nazzjonalista jista’ jserraħ ras Abela u l-fazzjoni faxxista tal-Labour li qed tmexxi kruċjata kontra l-ħaddiema tad-Dar Ċentrali li kif jistgħu jixhdu l-għexieren ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu mal-PN u rtiraw, ħadd minnhom ma kellu problemi biex jieħu l-pensjoni tiegħu.

Dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, Abela lbieraħ reġa’ rrepeta wkoll il-gidba li l-PN ma sabx awditur biex jiffirma l-kontijiet finanzjarji tiegħu. Dan meta l-PN diġà għamilha ċara diversi drabi li x-xogħol li kellu jsir min-naħa tiegħu twettaq u l-kontijiet ġew sottomessi lill-Awditur biex japprovahom – kif ikkonferma l-Awditur innifsu f’ittra lill-Kummissjoni Elettorali.

Aħjar Robert Abela jgħidilna għalfejn qed jibqa’ jirrifjuta li jippubblika d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għas-sena 2023 minkejja t-twiddiba li ngħata mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Abela qed juża u jabbuża l-pożizzjoni tiegħu biex iżomm sigrieta informazzjoni li hija meħtieġa biex hu u l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu jinżammu taħt skrutinju pubbliku u kontabbli għall-aġir tagħhom.

Huwa biss min ma jridx jiġġieled il-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter li jġib ruħu b’dan il-mod.

Robert Abela jinsab dahru mal-ħajt. U iżolat. Għax waqt li hu jagħmel tiegħu l-allegazzjonijiet tal-fazzjoni faxxista fi ħdan il-Labour, il-President tiegħu Alex Sciberras jiddistanzja ruħu minn dak li qed jagħmlu Stagno Navarra u l-kumplament tal-fazzjoni faxxista tal-Labour li trid tibqa’ żżomm il-kontroll u tiddetta l-affarijiet fi ħdan il-Labour.

Imma għax Robert Abela marbut bil-patt imxajtan li għamel mal-Prim Ministru ta’ qablu li kien iddikjarat bħala l-Korrott tas-Sena, ma jistax jagħmel mod ieħor.