Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello iddikjarat li hemm biżżejjed provi prima facie biex Yorgen Fenech, l-eks supretendent li kien imexxi t-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus Raymond Aquilina u n-nutar Mario Bugeja jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Yorgen Fenech u Aquilina qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus b’rabta ma’ trasferiment ta’ propjetà biex tiġi żviluppata f’Birżebbuġa. Aquilina, li m’għadux iservi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kien ġie arrestat fl-2021 fuq suspetti li kixef informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni tal-assassinju. Magħhom kien tressaq ukoll in-nutar Bugeja li ukoll qed iwieġeb mhux ħati għal ħasil ta’ flus.
Roland Wadge, il-President tal-Kunsill Nutarili xehed kif xogħlu huwa li jħares l-operat tan-nutara fost responsabbiltajiet oħra. Hu kkonferma li Bugeja ħ l-warrant biex jaħdem ta’ nutar fl-1986 u li l-Kunsill Nutarili ma joħroġx warrants iżda għandu kodiċi ta’ etika li bihom jista’ jimponi sanzjonijiet fuq nutara li jkunu ħadmu b’mod mhux xieraq.
In-nutar elenka r-responsabbiltajiet varji tan-nutara u li l-liġijiet ta’ kontra l-ħasil ta’ flus ma jippermettux li nutar ma jżommx kopja ta’ kull pagament li jsir. “Jekk hemm xi ħaġa li mhux qed iddoqlok, idealment iddewwem il-proċess u lanqas għandek għalfejn tavża lill-klijenti”, xehed in-nutar.
Mistoqsi mill-avukat Franco Debono, f’isem id-Difiża, dwar il-ħidma tan-nutara, Wadge qal li l-Kunsill m’għandux x’jaqsam ma’ investigazzjoni tal-awtoritajiet fosthom l-FIAU. Sostna li huwa l-każ li kien hemm nutara li ġew immultati mill-FIAU fuq ħasil ta’ flus, b’Debono jisħaq li dan ma jfissirx li nutar bilfors jitressaq il-Qorti.
Wara li xehed Wadge, il-Prosekuzzjoni ddikjarat li ma fadlilhiex provi xi tressaq. Kien hawn li l-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Il-każ se jkompli fit-18 ta’ Marzu.
//= $special ?>