Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja bis-serjetà biex int u l-familja tiegħek ikollkom kwalità ta’ ħajja aħjar” – PN

Għada l-Parlament jiddibatti Mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja, li qed tkompli tiggrava tort tad-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern Laburista

Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, b’inizjattivi konkreti li jħallu aktar flus bil-bwiet tal-ħaddiema, il-pensjonanti u s-self-employed. Kuntrarju għal dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista, li qed juri li hu indifferenti għall-problemi tan-nies li l-għoli tal-ħajja qed jaffettwahom ħażin, bil-konsegwenza li llum għandna min qed ikollu jagħmel għażla x’jixtri u ma jixtrix.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, ix-Shadow Minister għall-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo u x-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott spjegaw li l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pjaga tal-għoli tal-ħajja hija kwistjoni urġenti u huwa għalhekk li għada l-Parlament se jkun qed jiddibatti Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar dan is-suġġett li jolqot mill-qrib lill-familji Maltin u Għawdxin kollha.

Huma spjegaw li l-PN qed jgħid lill-Gvern biex idaħħal dak li qed jipproponi minn issa għax jagħraf li l-għoli tal-ħajja ma jistax jiġi pospost u din il-problema trid tiġi indirizzata b’urġenza. Il-Partit Nazzjonalista jisma’ u jagħti kas il-weġgħat tan-nies u għalhekk ressaq numru ta’ proposti biex tiġi indirizzata l-għoli tal-ħajja li, però, il-Gvern qed jirrifjuta li jdaħħal minħabba l-pika.

Il-proposti – li jwasslu biex id-dħul tal-ħaddiema u l-pensjonanti jiżdied b’aktar flus fil-but, waqt li jonqsu l-ispejjeż għal min iħaddem – jiddaħħlu fis-seħħ fl-ewwel budget li jippreżenta Gvern ġdid Nazzjonalista, u jinkludu:

•               It-tneħħija tat-taxxa għall-ħaddiema u pensjonanti fuq kull żieda li tingħata fil-pagi u l-pensjonijiet għall-għoli tal-ħajja;

•               Allowances ġodda għall-pensjonanti biex anki min ma jħallasx taxxa jgawdi minn dħul finanzjarju aħjar;

•               Tax credits għal min iħaddem fuq kull żieda li jagħti lill-ħaddiema.

Ivan Castillo u Darren Carabott spjegaw li l-Gvern mhux talli qed idawwar wiċċu quddiem ir-realtà tal-għoli tal-ħajja li qed jiffaċċjaw in-nies, imma talli bid-deċiżjonijiet żbaljati li qed jieħu, qed ikompli jiggrava s-sitwazzjoni. Fost dawn, ix-Shadow Ministers semmew iż-żieda fil-popolazzjoni b’mod qawwi, bla pjan u fi żmien qasir ħafna, u l-impatt negattiv ekonomiku u infrastrutturali ta’ din id-deċiżjoni.

Il-konsegwenzi ta’ dawn id-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern qed ibatihom il-poplu – il-ħaddiema bil-pagi, iż-żgħażagħ, nies li jgħixu bil-benefiċċji soċjali fosthom l-anzjani, min iħaddem u s-self-employed, b’żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, il-mediċini u servizzi essenzjali oħra li qegħdin jolqtu lill-familji Maltin u Għawdxin fil-laħam il-ħaj.

Dan kollu qed jagħmilha dejjem aktar diffiċli biex il-Maltin u l-Għawdxin isostnu l-livell ta’ għajxien tagħhom u dan qed ifisser li l-istandard of living jitbaxxa. Kif jikkonfermaw studji indipendenti li saru fosthom mill-Malta Chamber of SMEs, bis-sidien tal-SMEs jindikaw li l-prezzijiet tal-prodotti u servizzi offruti qed ikollhom jogħlew minħabba ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

Għall-kuntrarju, il-PN irid titjib fil-kwalità tal-ħajja, fl-istandard of living tan-nies. Il-Mozzjoni li se tiġi diskussa għada tgħid li:

1.       Hu l-Gvern stess li qed jikkontribwixxi għall-għoli tal-ħajja u żidiet fil-prezzijiet;

2.       Il-Partit Nazzjonalista jrid li kwalunkwe żieda għall-għoli tal-ħajja, il-COLA, m’għandux ikun hemm income tax fuqha biex il-ħaddiema u l-pensjonanti jkunu jistgħu jgawdu ż-żieda b’mod sħiħ;

3.       Il-Partit Nazzjonalista jrid li jingħataw tax credits lill-SMEs u lill-kumpaniji bħala għajnuna biex iż-żieda fil-pagi li jagħtu lill-ħaddiema, jeħduha lura fi tnaqqis fit-taxxi u b’hekk ikunu jistgħu jinvestu aktar u joħolqu aktar impjiegi;

4.       Il-Partit Nazzjonalista jrid li minnufih jinħoloq fond nazzjonali biex jagħti appoġġ finanzjarju lill-operaturi Maltin li jimpurtaw u jesportaw fi sforz biex jitnaqqsu l-ispejjeż li qed iwasslu għall-għoli tal-ħajja;

5.       Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna ma jkunx aktar ibbażat fuq iż-żieda bla rażan fejn ma hemmx bżonn u bla pjan tal-popolazzjoni, iżda jkun wieħed mibni fuq setturi ekonomiċi ġodda u innovattivi u li joffru impjiegi b’pagi aħjar għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Il-kelliema spjegaw kif din il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni toħroġ id-differenza bejn iż-żewġ partiti hekk kif fl-istess ġimgħa tal-Labour ressqu mozzjoni biex jipproteġu lilhom infushom u lil ta’ madwarhom waqt li l-PN qed iressaq Mozzjoni indirizzata għalik, biex tgħinek tiġġieled l-għoli tal-ħajja.

Filwaqt li tal-Labour iridu jneħħulek id-dritt li tiftaħ Inkjesta Maġisterjali ħalli jipproteġu lilhom infushom minn investigazzjonijiet fuq il-korruzzjoni, il-Partit Nazzjonalista ressaq Mozzjoni b’soluzzjonijiet għall-problema tal-għoli tal-ħajja, biex tgħinek tindirizza l-problemi tiegħek, ħalli int u l-familja tiegħek tkunu tistgħu tgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Partit Laburista moħħu biss fil-problemi tiegħu nnifsu. Aħna moħħna biss fik.