Lokali

“Gvern ġdid Nazzjonalista se jtaffi l-piżijiet fuq il-familji” – Bernard Grech

Il-Gvern minflok qed inaqqas il-piż fuq il-familji, qed jitfa’ aktar piżijiet – u dan hu evidenti bil-miżuri li qed idaħħal, u l-prezzijiet li qed ikomplu jiżdiedu.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, f’intervista li saritlu fuq NET FM, fejn fakkar illi huma bosta dawk li qed iħossu l-piż tal-għoli tal-ħajja – piż illi qed jinxteħet fuq in-negozji u l-konsumaturi.

Bernard Grech fakkar illi stħarriġ li sar man-negozji ż-żgħar wera kif kull sid ta’ negozju qed ikollu jerfa’ l-piż li tefa’ fuqhom il-Gvern …u dan il-piż, imbgħad, qed jispiċċa fuq il-konsumaturi.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni se tkun qed tpoġġi fuq il-Mejda tal-Parlament mozzjoni favur l-anzjani, il-ħaddiema u l-familji li bħalissa qed iġorru piżijiet kbar.

Huwa semma’ illi pajjiżna għandu bżonn jattira aktar investiment, u joffri aktar pagi aħjar…b’mod speċjali issa, li rajna l-effetti tad-daqqa mill-indiċi tal-korruzzjoni.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li f’dawn il-ġranet, ħarġet aktar ċara d-differenza bejn il-Partiti. Partit Laburista illi huwa maqtugħ mir-realtà, u maqtugħ mill-bżonnijiet tal-familji Maltin u Għawdxin, u Partit Nazzjonalista li anke mill-Oppożizzjoni qed joffri s-soluzzjonijiet sabiex il-familji tagħna dejjem jimxu ‘l quddiem u jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Bernard Grech spjega illi l-proċess ta’ djalogu sabiex ikompli jinbena l-pjan ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista għaddej ġmielu. Bil-Kap tal-PN jispjega li huma diversi il-persuni, l-għaqdiet u l-imsieħba soċjali li ressqu sabiex jagħtu l-ideat tagħhom.