L-OPINJONI
Ħamrun huma l-leaders tal-Closing Round tat-360Sports Malta Premier dan wara li fi tmiem il-ġimgħa huma għelbu lil Żabbar SP bl-iskor ta’ 1-0. Kif jindika l-iskor il-partita rriżultat f’waħda diffiċli għaċ-Champions renjanti fejn wara li ħadu l-vantaġġ eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta assistejna għar-reazzjoni taż-Żabbarin. Il-gowl li qaleb il-miżien favur l-Ispartans wasal mill-Bolivjan Cesar Menacho. Għal Żabbar din kienet it-tielet telfa fil-Closing Round iżda żgur li wirja oħra qalbenija b’konferma ta’ kemm għamel progress dan it-tim matul l-istaġun. B’wirjiet bħal dawn Żabbar kapaċi li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni bil-prospetti jidhru sbieħ anki wara dak li seħħ fl-Opening Round.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/11114149/WhatsApp-Image-2025-02-09-at-15.11.01-600x411.jpeg)
Joseph Mbong imdawwar bi plejers ta’ Żabbar St.Patricks (Ritratt: Joseph Galea)
Gowl skurjat fl-aħħar mumenti tal-logħba ta tlett punti prezzjużi lil Floriana mill-konfront dirett kontra M’Xlokk. Kienet logħba li bdiet tard minħabba l-maltemp li ħakem f’Kordin fejn il-Greens fetħu l-iskor wara ħmistax-il minuta. It-tim immexxi minn Vincenzo Potenza qatt ma’ qata qalbu biex għaxar minuti mit-tmiem M’Xlokk kisbu l-gowl tad-draw. L-aħħar daħqa kienet ta’ Floriana li permezz ta’ Matias Garcia skurjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. B’din ir-rebħa Floriana issa jinsabu punt biss taħt il-leaders Ħamrun Spartans biex b’hekk jitfgħu pressjoni aktar fuqhom. Għax bir-rebħ tal-Opening Round mill-Greens, it-timijiet l-oħra ma’jistgħux iħalluhom jirrepetu dan is-suċċess għaliex il-Kampjonat jintrebaħ minnhom. Diżappunt għal M’Xlokk li b’din it-telfa tilfu wkoll il-kmand tal-klassifika.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/11114231/WhatsApp-Image-2025-02-09-at-17.52.54-3-min-600x440.jpeg)
Il-captain tal-Greens Dunstan Vella jippressa għall-ballun fit-Tony Bezzina mereq bl-ilma (Ritratt: Joseph Galea)
Wara t-telfa kontra Hibernians, Sliema Wanderers irritornaw għar-rebħ dan wara li b’wirja dominanti għelbu lil Melita bl-iskor ta’ 4-2. Kienet logħba li tista’ tgħid kienet bla storja fejn . il-gowl tal-vantaġġ wara ftit minuti għamilha iktar faċli għal Sliema li ħolqu diversi azzjonijiet ta’ skor minbarra l-goals skorjati. Il-Wanderers b’hekk ħadu tlett punti importanti wara bidu kemmxejn inkonsistenti għall-Closing Round. Diżappuntanti Melita li wara r-riżultati miksuba fl-aħħar logħba kontra avversarji kkwotati fosthom ir-rebħa kontra Floriana, kien mistenni ħafna aktar minnhom. Iżda l-uniku mumenti li huma dehru fil-partita kien meta din kienet prattikament deċiża u forsi hekk kif Sliema rħew saqajhom minn fuq il-pedala.
Hibernians irkupraw minn gowl minn taħt sabiex għelbu lil Gżira United bl-iskor konvinċenti ta’ 4-1. Logħba li kienet ikkundizzjonata mit-tkeċċija ta’ Riascos qabel tmiem l-ewwel taqsima. Fil-fatt il-Maroons wara li spiċċaw b’għaxar players kisbu l-vantaġġ iżda fit-tieni taqsima ħadu l-kontroll tal-logħba l-Pawlisti biex kisbu tlett punti oħra. Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għat-tim immexxi minn Branko Nisevic biex b’hekk komplew jitilgħu aktar il-fuq fil-klassifika biex jippruvaw jisfidaw għal wieħed mill-ewwel żewġ postijiet. Mhux l-istess jista jingħad għal Gżira United li issa jinsabu fit-tielet post mill-aħħar b’ħames punti biss, b’din tkun it-tielet telfa tagħhom fil-Closing Round. Verament li huma kellhom numru ta’ players importanti neqsin fosthom Kurt Zammit, Tulimieri, Disic, Mentz u Pepe, iżda l-wirja kienet waħda diżappuntanti.
U Birkirkara rritornaw għar-rebħ dan wara li huma għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0. Birkirkara kienu ġejjin minn tlett draws konsekuttivi biex finalment waslet rebħa u punti massimi. Il-kowċ tal-Istripes De Angelis wettaq bidla waħda fl-ewwel ħdax b’Morello jibda flok Gaitan. Kienet rebħa meritata għal Birkirkara li issa jaspiraw li jkomplu jibnu fuq dan ir-riżultat biex jippruvaw jirreppetu dak li għamlu fl-Opening Round minkejja li jidher li l-kompitu issa huwa aktar diffiċli. Mosta ddiżappuntaw fejn din kienet it-tielet telfa tagħhom mill-aħħar ħames logħbiet. It-tim immexxi minn Joe Grech irid issa jinsa din il-logħba u jħares il-quddiem għax mhux faċli li jinkiseb dak li wettqu fl-Opening Round, jiġifieri li jispiċċaw mat-Top Six.
Riżultat pożittiv minn Balzan li f’konfront dirett kontra Naxxar Lions ħarġu rebbieħa bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0. Taħt it-tmexxija ta’ Andrew Cohen Balzan ħarġu aggressivi sabiex jieħdu l-punti massimi minn din il-logħba. Fil-fatt b’din ir-rebħa huma nqlagħu miż-żona relegazzjoni u telgħu b’sitt punti daqs Żabbar SP u Mosta. Jan Busuttil kien fl-aqwa forma għal Balzan fejn apparti li skorja wieħed mill-gowls iżda kien strumentali fil-gowl li skorja Lukovic. Mill-banda l-oħra din it-telfa kienet daqqa ta’ ħarta kbira għal Naxxar fejn il-Lions wara ħames logħbiet li lagħbu fil-Closing Round għadhom mingħajr ebda punt u għad irid jsibu x-xibka wkoll. Sitwazzjoni diffiċli u delikata.
INNUTAJNA
LI x-xita qawwija li għamlet nhar il-Ħadd li għadda kienet il-kaġun li l-logħba bejn M’Xlokk u Floriana bdiet kważi siegħa tard. Fil-fatt wara spezzjoni mir-referee tal-logħba flimkien mal-captains rispettivi ġie deċiż li l-logħba tista tintlagħab.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/11114457/WhatsApp-Image-2025-02-09-at-16.25.071-600x425.jpeg)
Ritratt: Joseph Galea
LI t-tim nazzjonali Malti se jkun qiegħed jilgħab fi Grupp F ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena. F’dan il-grupp ser ikun hemm il-Ġermanja, il-Ġorġja, il-Greċja, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Latvja. Awguri lill-players ta’ dan it-tim li huma l-futur tal-futbol Malti li taħt it-tmexxija ta’ Davide Mazzotta nemmen li nistgħu jkollna riżultati pożittivi.
LI fi tmiem il-ġimgħa waħda mill-partiti prinċipali u li ġibdet attendenza kbira kienet dik miċ-Challenge League u li ntlagħbet il-Ħadd fis-Centenary Stadium bejn Marsa u Valletta. Il-ground kien kollu mibjugħ fejn it-timijiet rispettivi kienu segwiti minn numru kbir ta’ partitarji. Dan jawgura tajjeb anki għat-360Sports Malta Premier hekk kif kemm Valletta kif ukoll Marsa huma favoriti li jiksbu l-promozzjoni.
//= $special ?>