Lokali Qorti

Konfermat kumpens ta’ €171,000 għal ġurnalist li tkeċċa mit-Times

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ikkonfermat deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali li kien ordna lill-ġurnal Times of Malta tagħti kumpens ta’ €171,000 lill-eks ġurnalist tagħha Ivan Camilleri wara li kienet keċċietu mill-impieg.

Camilleri kien beda proċeduri fit-Tribunal Industrijali kontra l-kumpanija l-Allied Newspapers, sid il-kumpanija tal-media, fejn qal li tkeċċa b’mod inġust fl-2019. It-Tribunal Industrijali fid-deċiżjoni tiegħu kien qal li Allied Newspapers ma mxietx mal-proċeduri dixxiplinarji u mal-ftehim kollettiv u ċaħdet lil Camilleri milli jiddefendi lilu nnifsu b’mod xieraq.

It-tribunal Industrijali kien kien qal ukoll li Camilleri kellu 25% tat-tort għat-tkeċċija għax ikkonkluda li kien aġixxxa b’diżrispett lejn il-kollegi tiegħu. Allied Newspapers kienet keċċiet lil Camilleri fuq allegat serq ta’ oġġetti minn supermarket u li ta informazzjoni lil Yorgen Fenech. Camilleri minn naħa tiegħu dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.

It-Tribunal Industrijali kkonkluda li l-mod kif tkeċċa Camilleri kien bi ksur tal-liġijiet industrijali u għalhekk ordna lill-Allied Newspapers tagħtih l-imsemmi kumpens. Allied Newspapers appellat mid-deċiżjoni madankollu l Qorti, wara qalet li t-Tribunal Industrijali kien korrett fl-evalwazzjoni li għamel tal-każ u għalhekk ċaħad l-appell tal-kumpanija.