Repubblika jikkundannaw mingħajr riserva l-attakk oppressiv u intimidatorju tal-gvern fuq il-Prim Imħallef Emeritus Silvio Camilleri li hu att ta’ tpattija kattiv u mingħajr ġustifikazzjoni u att ta’ intimidazzjoni fuq kull min jazzarda jgħid li ma jaqbilx mal-gvern.
Il-Ministru Jonathan Attard ilbieraħ iddeskriva rimarki li għamel l-Imħallef Camilleri bħala partiġġjani u mhumiex denji ta’ eks-imħallef. Mhux kull min jidhirlu li l-gvern qed jagħmel xi ħaġa ħażina għandu motivi partiġġjani.
L-Imħallef Camilleri tul il-karriera tiegħu serva fedelment ‘l-istat Malti mingħajr qatt ma ħares lejn wiċċ ħadd, mingħajr qatt ma xaqleb lejn xi partit, u mingħajr qatt ma ħalla dubju dwar l-integrità u l-professjonalità tiegħu. Illum li rtira, l-Imħallef Camilleri m’għandu ebda ambizzjoni personali, u pajjiżna u l-gvern jagħmlu sew jisimgħu l-parir ta’ esperjenza u maturità tiegħu.
Il-gvern mhux obbligat jaqbel mal-argumenti li jagħmel l-Imħallef Camilleri. Imma hu obbligat, jekk ma jaqbilx, jindirizza l-argumenti tiegħu b’argumenti oħra, mhux jattakka personalment mill-Parlament u mit-televiżjoni tal-Partit Laburista b’tgħajjir u b’assassinju tal-karattru.
Il-gvern b’dan qed javża lil kull min ma jaqbilx miegħu li hu biss jifhem u hu biss jaf x’inhu sew. Kull min ma jaqbilx miegħu hu partiġġjan u tajjeb biss għar-rimi. Dan l-assolutiżmu u din il-vjolenza intimidatorja huma tattiċi faxxisti li m’għandhomx post f’demokrazija.
Huma irringrazzjaw lill-Onorevoli Prim Imħallef Emeritus Silvio Camilleri għall-kontribut siewi tiegħu għal dan is-suġġett u nittamaw li persuni tal-kalibru tiegħu ma jħallux din il-vjolenza psikoloġika mwettqa mill-gvern fuqu tbeżżagħhom milli huma wkoll isemmgħu leħinhom skont l-esperjenza u l-kuxjenza tagħhom.
//= $special ?>