L-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali, li qed tasal 15-il sena wara l-aħħar strateġija, għandha tiżgura li tissalvagwardja s-saħħa tan-nies
F’stqarrija maħruġa Adrian Delia Shadow Minister għas-Saħħa u Graziella Attard Previ Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal saħqu kif li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-fatt li l-Gvern fl-aħħar ħareġ Strateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali għall-konsultazzjoni pubblika, jirrimarka li dan huwa tard ħafna. L-aħħar Sexual Health Strategy ta’ Malta ħarġet fl-2010, u l-Partit Nazzjonalista ilu s-snin isejjaħ għal aġġornament ta’ din l-istrateġija u kien jistenna li l-Gvern Laburista – li jitkellem ħafna dwar id-drittijiet ċivili u l-politika progressiva u liberali – ikun iktar proattiv fiċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jirrimarka li f’din l-istrategija għall-perjodu 2025-2030 jissemmew proposti tajbin li iżda ilhom jiġu mwiegħda, fosthom l-aċċessibbiltà għall-PrEP u PEP, u li l-Partit Nazzjonalista ilu wkoll jisħaq dwarhom. Hemm bżonn assigurazzjoni li dawn u proposti oħrajn ma jitħallewx fuq il-karta iżda jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr.
Filwaqt li din l-istrateġija għandha punti validi u tajbin, tonqos milli tkun speċifika u tiddikjara kif se jiġu implimentati u mkejla ċerti miżuri.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed iressaq is-suġġerimenti tiegħu kif din tista’ tkun aħjar u tħares ’il quddiem billi nkunu proattivi u naraw x’qiegħed jiġri f’pajjiżi oħrajn waqt li nipproponu x’jista’ jsir f’Malta biex is-saħħa tan-nies tiġi salvagwardjata kemm jista’ jkun:
1. Id-definizzjoni tas-saħħa sesswali hija kemxejn astratta, m’hemm xejn fil-prattika kif din għandha tittieħed f’kuntest lokali, u hija nieqsa mill-inklużività bla ebda referenza għal persuni ‘non-binary’ u oħrajn ‘gender nonconforming’, u għal persuni b’diżabbiltà, waqt li ma tagħtix wisq kas lanqas ta’ fatturi soċjo-ekonomiċi u kulturali. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li għandhom jiġu indirizzati aktar fatturi bħall-edukazzjoni sesswali f’Malta, il-persuni b’etajiet, abbiltajiet, ġeneru u orjentazzjoni sesswali differenti u r-rwol tal-media diġitali, kif ukoll jiġu indirizzati b’mod iktar effettiv l-istigma u t-tabù marbuta mas-sess u l-prattiċi sesswali li jżommu lura lin-nies milli jfittxu l-għajnuna u l-kura.
2. Il-viżjoni ta’ din l-istrateġija hija vaga u ma tidħolx fid-dettall jew fis-sustanza ta’ x’se jsir fir-realtà. Għaldaqstant, għandu jkun hemm indikazzjonijiet ċari ta’ kriterja li jkejlu s-suċċess ta’ din l-istrateġija; il- miżuri jingħataw pjan ta’ żmien li fih iridu jitwettqu; u jkun hemm pjan konkret tal-kollaborazzjoni bejn ministeri differenti.
3. Meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, l-istrateġija tibqa’ xi ftit lura, u ma tindirizzax kif is-saħħa sesswali ta’ gruppi partikolari se tkun imħarsa. Dan ukoll b’referenza għall-edukazzjoni sesswali. Nissuġġerixxu li jiġu kkunsidrati l-mudelli tal-Olanda u tal-Fillandja speċjalment fejn tidħol diskriminazzjoni u edukazzjoni sesswali aħjar fl-era diġitali li qegħdin ngħixu fiha.
4. Il-provvediment ta’ kontraċettivi b’xejn għal kulħadd hija inizjattiva tajba, u jeħtieġ li l-proċess ta’ aċċessibbiltà ma jiħux ħafna żmien kif ukoll jinħtieġ pjan konkret ta’ kif u fejn se jkunu qegħdin jitqassmu dawn il-kontraċettivi. Nissuġġerixxu wkoll li l-mediċina li tikkura d-disfunzjoni sesswali tkun iktar aċċessibbli u mniżżla fuq il-formolarju għal persuni bi problemi kroniċi.
5. Filwaqt li tissemma l-prevenzjoni għall-mard bħalma huma diversi tipi ta’ kanċer, nipproponu li l-isreening ikun iktar rigoruż u jitwessa’ biex jolqot gruppi ta’ nies li huma iżjed f’riskju, u li jitniżżel żmien (timeline).
6. Huwa tajjeb li din l-istrateġija tinnota li żdied il-mard li jittieħed mis-sess, iżda ma jissemma xejn b’mod speċifiku kif dan il-fatt se jiġi indirizzat. Nipproponu pjan ta’ azzjoni konkret li jinkludi kampanji ta’ għarfien speċifiċi għal persuni ta’ etajiet, ġeneru u orjentazzjoni differenti. Nippropronu li s-servizzi fil-komunità jitwessgħu, u nappellaw biex tiġi indirizzata bi pjan ir-reżistenza tal-antibijotiċi użati kontra l-gonorrhea.
7. Il-lista ta’ stennija fil-GU Clinic hija twila wisq, u mkien ma jissemma kif din il-problema se tiġi solvuta. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq fuq il-bżonn urġenti li din il-klinika ssir walk-in clinic, tiftaħ ħinijiet itwal inkluż fi tmiem il-ġimgħa u jiżdiedu l-professjonisti f’dan il-qasam. Nipproponu wkoll li jkun hemm iktar minn klinika waħda u fil-komunità.
8. Din l-istrateġija hija pożittiva u fid-direzzjoni t-tajba, iżda ma tħarisx fil-fond biżżejjed, kif ukoll tibqa’ lura milli tissuġġerixxi ċerti miżuri kuraġġużi li, iżda, jistgħu jkunu tassew effettivi.
9. L-istrateġija ma tagħtix prijorità lis-saħħa mentali. Għandhom jiġu indirizzati l-problemi assoċjati ma’ compulsive sexual behaviour, u d-dipendenza fuq il-pornografija (porn addiction) li wkoll huma rikonoxxuti mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Dan l-aspett tas-saħħa ġie injorat fl-istrategija u għandu jiddaħħal. Nipproponu li tiġi pprovduta iktar għajnuna u terapija lil dawk il-persuni li għandhom problemi ta’ natura sesswali li joriġinaw jew li huma riżultat ta’ kundizzjonijiet mentali.
Il-Partit Nazzjonalista jappella wkoll biex wara l-konsultazzjoni pubblika, l-istrateġija tiġi riveduta u mnedija mill-aktar fis possibbli. L-istess strateġija għandha tkun evalwata kontinwament u mhux lok li nistennew 15-il sena oħra biex ikun hemm follow-up tagħha.
Il-PN jibqa’ impenjat li jara li s-saħħa tan-nies tkun dejjem prijorità.
//= $special ?>