Internazzjonali

Tikber it-tensjoni bejn Iżrael u l-Hamas minħabba l-ostaġġi

Hemm biża’ dwar il-possibilità li terġa’ tfaqqa’ mill-ġdid il-gwerra f’Gaza, wara li l-kabinett tas-sigurtà ta’ Iżrael appoġġja t-talba tal-President Trump biex l-ostaġġi kollha li fadal jiġu rritornati sa nhar is-Sibt.

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li ordna li jinġabru t-truppi madwar Gaża bi tweġiba għal dak li ħabbar il-Hamas – li kienet qed jipposponi l-ħelsien ta’ aktar ostaġġi sakemm joħroġ avviż ieħor.

Netanyahu ma speċifikax jekk hux qed jitlob il-ħelsien tas-76 ostaġġ li fadal, jew tat-tlieta biss li kellhom jinħelsu is-Sibt.

Il-grupp Hamas minn naħa tiegħu wieġeb billi qal li baqa’ impenjat għall-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u li Iżrael kien “responsabbli għal kwalunkwe kumplikazzjonijiet jew dewmien.”

Huwa mifhum li l-pajjiżi Għarab qed jagħmlu pressjoni fuq il-Hamas biex jippruvaw iżommu mal-ftehim

Dan il-ftehim kien daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar li għadda wara kunflitt imdemmi ta’ aktar minn 15-il xahar – kunflitt li faqqa’ wara l-attakki mill-militanti tal-Hamas fuq il-villaġġi Iżraeljani u fuq festival mużikali li kien għaddej, bis-sehem ta’ bosta żgħażagħ, viċin il-fruntiera.

Intant, hemm ħafna ilmenti dwar l-għajnuna umanitarja li xorta mhux qed tasal għand il-Palestinjani. Dan hekk kif it-trakkijiet li deħlin mir-rotta stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti qed jispiċċaw jeħlu f’Rafah – u huwa biss ammont żgħir ta’ trakkijiet li qed jidħlu f’Gaza.