In-negozjant Yorgen Fenech, akkużat bil-kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma ta ebda kummenti lill-ġurnalisti preżenti barra l-binja tal-Qorti.
Wara ħames snin miżmum fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Fenech taħt arrest preventiv, huwa ngħata l-libertà proviżorja ftit tal-jiem ilu.
Madanakollu wara das-snin kollha, wara l-arrest tiegħu lura f’Novembru 2019, arrest li wassal għar-riżenji ta’ diversi Deputati Laburisti u Chief of Staff sa issa għadna ma smajna qatt ix-xhieda u l-verzjoni ta’ Yorgen Fenech innifsu.
Sa issa, wara lista twila ta’ xhieda, diversi rakkonti u proklami…sa issa l-verzjoni ta’ Yorgen Fenech baqgħet mistura.
Għaldaqstant, Net News dalgħodu staqsa lil Yorgen Fenech jekk hux se jkun qiegħed jikxef min kien allegatament kompliċi miegħu fl-eżekuzzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia li nqatlet brutalment f’karozza bomba quddiem ir-residenza tagħha fil-Bidnija.
Madanakollu Fenech baqa’ jinsisti li f’dan l-istadju ma kellux kummenti.
In-negozjant tressaq il-Qorti b’rabta ma’ każ ta’ allegat ħasil ta’ flus – separat mill-każ tal-assassinju tal-ġurnalista li sa issa għadna ma nafux meta se jkun qed jingħata bidu għall-ġuri b’rabta miegħu.
//= $special ?>