Internazzjonali

FL-AĦĦAR ĦIN: 27 persuna feruti fi Munich wara li karozza saqet fuq in-nies

Il-ġurnal awtorevoli Bild qiegħed jirrapporta kif diversi persuni fi Munich sfaw feruti wara li karozza misjuqa minn raġel mill-Afghanistan saqet għal fuq grupp ta’ nies.

Is-sewwieq kien qed isuq vettura tal-għamla Mini Cooper. Hu twaqqaf mill-Pulizija.

Il-każ seħħ ftit qabel il-konferenza importanti dwar is-sigurtà, li mistennija tibda għada. Għal din il-konferenza se jattendu l-Viċi President Amerikan JD Vance u l-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Bild qed tgħid li huma 27 dawk li weġġgħu, u qed jingħataw kura. Dan filwaqt li għaddejja operazzjoni maġġuri mill-awtoritajiet ta’ Munich.

Qed jingħad li fost dawk midruba hemm mara u t-tarbija tagħha.

Il-Pulizija Ġermaniża għadha qed tipprova tistabbilixxi d-dinamika tal-każ.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.