Lokali Qorti

20 xahar ħabs wara li żewġ pitbulls tiegħu qatlu lil nanntu

Raġel mill-Imsida li nanntu kienet ġiet attakkata u nqatlet waqt li kienet id-dar tagħha minn żewġ pitbulls tiegħu, ġie kundannat 20 xahar ħabs. Andre Galea instab ħati li bi traskuraġini jew b’nuqqas ta’ ħila, ikkaġuna l-mewt ta’ Ines Maria Galea f’Settembru tal-2020, li kellha 95 sena.

Andre Galea ta’ 40 sena kien ġie mixli bl-omiċidju involontarju tal-anzjana. Fil-Qorti kienu mismugħa diversi xhieda fejn it-Tabib Safraz Ali, li wettaq l-awtopsja tal-vittma flimkien mat-Tabiba Tiffany Buhagiar, kienu qalu li l-kawża tal-mewt kienet xokk ipovolemiku (tnaqqis fil-volum tad-demm li jiċċirkola fil-ġisem) bħala riżultat ta’ trawma esterna severa konsistenti mal-gdim tal-annimali.

Qraba tal-vittma ta’ attakk fatali minn pitbulls kienu qalu lill-Pulizija li hija qattgħet l-aħħar ġimgħa ta’ ħajjitha mingħajr elettriku hekk kif sid il-klieb kien qed jipprova jġiegħelha titlaq minn darha. Fost iċ-ċirkostanzi tal-każ li ġew kunsidrati mill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ingħata piż konsiderevoli għall-fatt li l-għemil tal-imputat mhux biss wassal għall-mewt ta’ Ines Maria Galea iżda din l-anzjana għaddiet minn kalvarju fl-aħħar nifsijiet li ħadet.

Il-Qorti fliet bir-reqqa’ l-każ u f’sentenza ta’ 53 paġna spjegat fid-dettal il-każ u għaliex għandu jkun hemm bidla fil-liġi fuq pieni f’ċirkostanzi bħal dawn. “X’biża’ u terrur ġiet gratwitament soġġetta għalihom propeju minn neputi tagħha stess. Kienet tassew mewta kerha, li tkexkex. Din it-tbatija li sofriet sforz it-traskuraġni u non-kuranza totali tal-imputat, għandha tkun riflessa fil-piena.

“Din il-piena għandha tirrifletti wkoll l-għemil negliġenti tal-imputat li ma kienx okkażjoni ta’ darba, darbtejn, iżda bil-kondotta menefregista tiegħu, damet għal snin. Daqshekk dam jesponi lil nanntu għar-riskji li l-passatemp tiegħu ħolqu għal din il-mara li tant ħabbitu!”, qalet il-Maġistrat.

Finalment, il-Qorti fakkret dak ikkonstatat mill-espert mediku forensiku Dr. Mario Scerri meta jaċċenna għat-tortura li għaddiet minnha Ines Galea, tittiekel u titbiċċer waqt li għadha ħajja “waqt l-allegat aggressjoni fuqha, meta kienet ħajja b’ċirkolazzjoni tad-demm attiva”. Fil-fehma tal-Qorti, in-nuqqas tal-imputat kien tant gravi li dan għandu jingħata il-piena fil-massima tagħha.

Fl-isfond ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Qorti qalet li ma tistax ma tilmentax mill-inkonsistenza fil-pieni applikabbli għal reati ta’ omiċidju involontarju (u offiżi involontarji fuq il-persuna). Il-piena kontemplata għar-reat li tiegħu qed jinstab ħati l-imputat hi punibbli b’piena ta’ priġunerija sa massimu ta’ sentejn jew b’multa ta’ mhux aktar minn €11,646.87.

“Possibbli li dan hu l-valur li qed nagħtu għall-hajja ta’ bniedem? Daqshekk saret tiswa, anqas minn vettura ġdida deċenti? M’hemmx dubbju li kif soċjetà tħares lejn il-ħajja umana, kif tindokkraha u tipproteġiha, jirrifletti fuq il-valuri mħaddna minn dik is-soċjetà u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-membri individwali tagħha,” qalet il-Maġistrat Frendo Dimech.

Fil-fehma tal-Qorti spiċċa ż-żmien li reati ta’ omiċidju involontarju jiġu kastigati b’pieni li jafu jkunu redikoli, meta jitqies li meta persuna jagħmel att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens bħalma hu l-każ meta l-awtur, anke jekk kemm kemm mess il-vittma fuq ħwejjiġha, il-piena kontemplata għar-reat hi dik ta’ xejn anqas minn tliet snin sa seba’ snin priġunerija; piena li tiżdied għal terminu ta’ priġunerija bejn l-erba’ u disa’ snin.

Galea fil-Qorti kien iddikjara li sa ftit żmien qabel kien jgħix ma nanntu fil-fond fi Triq Antonio Sciortino, Msida, iżda wara li beda jsofri minn dipressjoni, mar jgħix ma missieru f’Raħal il-Ġdid. Fid-dar ta’ nanntu kellu 12-il kelb għaliex kien jgħammarhom.

Il-klieb tar-razza Pitbull, kienu kollha microchiped u reġistrati fuqu. Qabel kien jgħix fil-fond fejn iżomm il-klieb, fuq it-terran ta’ nanntu. Id-dar ta’ nanntu kellha aċċess għal fond sovrastanti, fejn kien iżomm il-klieb, permezz ta’ bieb fl-ewwel sular kif ukoll minn bieb tal-bitħa ta’ nanntu.

Jistqarr li “kont navżaha sabiex iżżomm dawn iż-żewġ bibien magħluqa għax il-klieb miegħi kienu jġibu ruħhom sew imma hija kienet qisha estranea għalihom u seta’ ġara li nħasdu… Ngħid ukoll li hija kienet ġieli toħroġ fil-bitħa biċ-chiwawa f’idejha.

Il-bieb tal-bitħa dejjem kien ikun imsakkar”. L-uniku żewġt iklieb li kienu jinżlu fil-bitħa biex jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom kienu proprju l-klieb Bullet (l-iswed) u Chica (il-kannella). Skont l-imputat, dak li kien jissepara ż-żewġ residenzi kienu “żewġ bibien hemm.

Wieħed isfel u l-ieħor fuq. Qal li ta’ isfel ikun dejjem imsakkar biċ-ċavetta”. Jammetti li r-razza tal-Pitbulls hi razza aggressiva għalkemm qatt ma kellu xi inċidenti bihom. Temm l-ewwel stqarrija tiegħu billi wera sogħba għal dak li seħħ għax lin-nanntu kien iħobbha ħafna u ddispjaċih għal fatt li ma kienx id-dar għaliex dak li seħħ seta’ jiġi evitat.

L-imputat semma kif dakinhar tal-inċident kien mar jitma’ u jagħti l-ilma lill-klieb għall-ħabta ta’ nofsinhar. Kif ħareġ mill-fond tiegħu ħabbat lin-nanntu li fetħitlu u daħal fejnha għal madwar nofsiegħa. Meta kien ħdejha beda jibki minħabba ddepressjoni tiegħu, b’nanntu tagħmillu kuraġġ.

Wara ċempel lill-missieru biex jgħaddi għalih għax hu ma jsuqx, u mar jgħum miegħu r-Rinella. Jikkonferma li l-bieb tal-bitħa kien magħluq. “Hija kienet dejjem iżżommu magħluq biċ-ċavetta”. Il-bieb tal-ewwel sular “Dak dejjem miftuħ kont inħallih sabiex il-klieb jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom barra. Iva dakinhar kien miftuħ.”

Dak il-bieb kien jinżamm miftuh tul l-erba’ snin li kien ilu jżomm il-klieb f’dak il-fond. Jispejga kif il-bieb tal-bitħa qatt ma nfetaħ u kien ikun imsakkar biċ-ċavetta minn ġewwa. Nanntu ma kenitx tuża l-bitħa peress li l-ħasil u n-naxra jagħmluhomlha qraba u ħbieb tagħha, filwaqt li gas ma tużax għax kellha sservizz ta’ “Meals on Wheels”.

Ma kienx hemm dawl għal madwar 15 fiż-żewġ residenzi għax kien hemm main box (proprjament imsejħa “distribution box”) waħda, bil-meter u s-salvavita tkun fir-residenza sovrastanti. Jikkonferma li nanntu tagħtu dak il-fond sabiex iżżommu taħt għajnejha minħabba xi vizzji li kellu u ħallietu jrabbi l-klieb hemm minn madwar erba’ snin qabel.

Kien hemm xi żijiet, waħda Malta u tnejn li jgħixu l-Olanda, li ma kenux ħadu pjaċir b’dik id-deċiżjoni. Il-breeding li jagħmel kien biss delizzju u mhux għal xi profitt. Ikkonferma kif dejjem mexa fuq struzzjonijiet tal-AWD tant li bejn l-2018 u l-2020 kellu sitt spezzjonijiet wara li ġirien għamlu ilmenti mad-dipartiment. Huwa kkonferma d-dispaċir tiegħu li ma kienx id-dar xħin seħħ dan kollu għaliex it-tragedja setgħet tiġi evitata u jtenni “Lin-nanna kont inħobba ħafna”, huwa qal.

Ħareġ waqt il-każ li ż-żewġ pitbulls kellhom xi feriti, wieħed minnhomn fuq il-wiċċ. Il-ġrieħi li kellhom il-klieb kienu ilhom bejn ġimagħtejn sa tliet ġimgħat u kienu konsistenti mal-ġlied tal-klieb. Il-pitbulls ma kinux aggressivi lejha, ​​qalet il-veterinarja.

“Il-kelba mara kienet beżgħana u r-raġel deher li kien kuntent li jara t-tim tagħha, qalet. Iż-żewġ klieb kienu b’saħħithom apparti l-ġrieħi. Infermiera stazzjonata ma’ tal-ambulanza li waslet fuq il-post qalet li l-ġirien qalulha li semgħu għajjat ​​ġejjin mill-garaxx.

Il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wissewha li ġewwa kien hemm klieb perikolużi u għalhekk issejjaħ id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali. Sadanittant, l-akkużat kien għen biex il-klieb jinħarġu minn ġod-direzzjoni u mbagħad setgħu jidħlu fil-garaxx.

“Rajna lill-anzjana u rrealizzajna li kienet bla ħajja. Kien ovvju li kienet mejta.” Mistoqsija mid-difiża jekk il-klieb dehrux aggressivi, hija qalet li t-tħassib tagħha kien għall-pazjent iżda ma ratx lill-kelb jaġixxi b’mod aggressiv.

Dan kemm il-darba r-reat jitwettaq fuq xi persuna deskritta fl-artikolu 202 tal-Kodiċi Kriminali li jinkludi persuni vulnerabbli! Dan biex ma jingħad xejn dwar il-fatt li użu ħażin ta’ mezz ta’ kommunikazzjoni jġorr piena ta’ multa bil-massimu kontemplati jkun dak ta’ €25,000) filwaqt li min iħaddem gwardjan privat mingħajr liċenzja jeħel sa massimu ta’ €23,293.73.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti, sabet lill-imputat Andre Galea ħati tal-imputazzjoni miġjuba fil-konfront tiegħu, u tikkundannah għal 20 xahar priġunerija. Huwa ġie kundannat li jħallas €2,224.41 rappreżentanti spejjez peritali.

In vista tal-osservazzjonijiet magħmulha rigward il-piena kontemplata, il-Qorti ordnat li din is-sentenza tiġi kommunikata lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti, lill-Ministru għall-Ġustizzja u lill-Avukat Ġenerali.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.