Jekk Clyde Caruana irid iħeġġeġ bis-serjetà lill-Maltin biex ikollhom iktar tfal jista’ jibda billi jagħmel l-ewwel pass illejla u jivvota favur il-Mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex ngħinu lill-familji Maltin u Għawdxin jiġġieldu l-għoli tal-ħajja.
Clyde Caruana, li huwa l-arkitett wara l-politika diżastruża tal-Gvern Laburista li biha splodiet il-popolazzjoni bl-importazzjoni taċ-Cheap Labour, bħala Ministru tal-Finanzi huwa fl-aħjar pożizzjoni jekk irid jagħmel xi ħaġa dwar il-fatt li inqas Maltin qed ikollhom tfal, però minflok, sa issa induna biss li għandna problema bla ma ħa l-ebda azzjoni.
Mill-banda l-oħra l-Partit Nazzjonalista ftit jiem ilu ħabbar sensiela ta’ proposti biex verament inkunu nistgħu ngħinu u nħeġġu lill-familji Maltin u Għawdxin ikollhom iktar tfal:
- Espansjoni tal-leave tal-ġenituri biex il-familji jkollhom aktar ħin flimkien
- Iżid minn 10 għal 15-il jum il-leave għal missirijiet ġodda
- Iżid minn 8 għal 28 ġimgħa l-leave għal ġenituri ġodda li jinqasmu b’mod ugwali bejn it-tnejn u ma jkunux trasferibbli
- Iżid minn 18 għal 24 ġimgħa l-leave għal ommijiet ġodda u l-aħħar 6 ġimgħat jista’ jeħodhom il-ġenitur l-ieħor minflok
- Total ta’ sena sħiħa bejn leave tal-maternità u leave għal ġenituri ġodda
- Leave mħallas mill-gvern għal kull ħaddiem, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom
- Leave għal missirijiet u ġenituri ġodda, u żieda fil-leave tal-maternità mħallsin mill-Gvern għall-ħaddiema kollha
- Ħlas sal-paga medja fil-każ tal-parental leave
- Is-self-employed jingħataw l-istess drittijiet tal-leave bħall-ħaddiema impjegati
- Għajnuna finanzjarja għal min iħaddem u s-self-employed
- Appoġġ għall-kura tat-tfal u remote working
- Għajnuna finanzjarja lil ġenituri li jridu jibqgħu d-dar biex irabbu lil uliedhom, għat-tieni sena tal-wild, ekwivalenti għal dik li jagħti l-gvern liċ-childcare centres
- Żieda ta’ tax credits għal min iħaddem biex jipprovdi aktar opportunitajiet ta’ xogħol hybrid ħalli l-impjegati jkollhom aktar flessibbiltà
Dan minbarra li l-Oppożizzjoni ressqet il-Mozzjoni li se tkun diskussa fil-Parlament illejla biex flimkien niġġieldu l-għoli tal-ħajja, li tinkludi diversi soluzzjonijiet favur il-familji Maltin u Għawdxin, fosthom:
- Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-COLA, ma għandhiex tkun taxxabbli;
- Tax credits lil min iħaddem, biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja;
- Jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta, u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħalli l-impatt tal-għoli tal-ħajja;
- Naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw għal xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.
Jekk Clyde Caruana u l-Partit Laburista jridu verament jibdew jindirizzaw il-problemi li ħolqu huma stess, jistgħu jibdew illejla u jkomplu billi jimplimentaw ukoll il-proposti li ressaq il-PN dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin fil-familja.
//= $special ?>