Lokali

“Ejjew inkomplu mmexxu lil pajjiżna lejn it-triq it-tajba” – Bernard Grech

Messaġġ ta’ kuraġġ li twassal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività soċjali li ttellgħet mill-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali l-Ħamis filgħodu.

Flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista ngħaqad ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino.

Meta indirizza lil dawk preżenti, Bernard Grech tkellem dwar il-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament fejn qal li l-għoli tal-ħajja qed jaffettwa lil kulħadd; b’mod speċjali dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà. U kien għalhekk li ħass il-ħtieġa li l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna tindirizza din il-kriżi llum qabel għada.

Huwa fakkar li għandna Gvern mitluf quddiem din is-sitwazzjoni tal-biki li l-poplu Malti u Għawdxi qed jgħix ta’ kuljum filwaqt li Robert Abela hu biss interessat fih innifsu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wassal appell sabiex l-ebda persuna ma taqta’ qalbha għaliex grazzi għall-perseveranza tal-Partit Nazzjonalista, pajjiżna miexi lejn it-triq it-tajba.

Dan hekk kif iktar nies qed jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-Partit Nazzjonalista biex imexxi lill-pajjiżna.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo