Il-grupp terroristiku Ħamas għadu impenjat biex jimplimenta l-kundizzjonijiet tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied ma’ Iżrael – u meta l-militanti Palestinjani se jkomplu jeħilsu lill-ostaġġi Iżraeljani miżmumin minnhom ‘fil-ħinijiet skedati.’
L-istqarrija żiedet it-tamiet li Iżrael iżomm lura minn fażi ġdida ta’ gwerra wara t-theddid tal-aħħar jiem mill-Gvern tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu.
Intant, u wara t-taħditiet relevanti li saru fil-Kajr, il-medjaturi mill-Eġittu u l-Qatar ikkonfermaw li ‘se jitneħħew l-ostakli għall-ħelsien tal-ostaġġi’ – jumejn wara li l-Ħamas kien iddikjara l-proċess bħala ‘pospost’.
U għalkemm Iżrael baqa’ ma kkummentax, ir-rapporti qalu li l-medjaturi Eġizzjani u tal-Qatar irnexxielhom inaqqsu d-differenzi ‘bejn l-Iżraeljani u l-Ħamas’ b’mod li jippermetti biex Iżrael u l-Palestinjani armati jkomplu jirrispettaw il-kriterji tal-patt.
L-Iżraeljani, nhar it-Tlieta, qalu li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied seta’ jispiċċa ‘xolt’ f’sitwazzjoni fejn tal-Ħamas ma jirritornawx l-ostaġġi kollha sa għada s-Sibt.
Intant, il-Ħamas qalu li kienu qed iwaqqfu l-proċess għall-ħelsien tal-Iżraeljani minħabba ‘sensiela ta’ abbużi min-naħa ta’ Iżrael’ – inkluż il-fatt li l-Iżraeljani ‘ma kenux qed jippermettu għat-trasport xieraq tal-għajnuna umanitarja lejn ir-residenti ta’ Gaza’. Akkuża li l-Iżraeljani qegħdin jiċħdu għaliha bis-saħħa.
It-tensjoni anki rrankat wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ippropona biex Iżrael iħassar għal kollox il-ftehim waqt li ‘jiftaħ il-bibien tal-infern’ għall-Ħamas f’każ li t-terroristi ma jirritornawx lill-ostaġġi kollha sa tmiem il-ġimgħa.
//= $special ?>