Robert Abela tant hu insensittiv għall-isfidi li l-Maltin u l-Għawdxin jiffaċċjaw ta’ kuljum li jaċċetta u japprova li l-partit tiegħu jkun partiġjan f’settur daqstant sensittiv bħas-saħħa sesswali.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-proposti pożittivi tiegħu, u li huma wkoll pubbliċi għax jinteressah li jkun ta’ servizz għan-nies, il-Labour ta’ Robert Abela qed jipprova biss jirbaħ punti politiċi.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali li qed jippreżenta l-Gvern ta’ Robert Abela qed tasal 15-il sena wara l-aħħar strateġija u dan juri kemm Robert Abela jirreaġixxi ftit wisq u tard wisq. U sadanittant, il-Gvern qed iħalli lin-nies ikomplu jbatu.
Dan juri wkoll kemm Robert Abela u sħabu huma biss moħħhom fihom innifishom u mhux f’dak li verament għandhom bżonn il-Maltin u l-Għawxin.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qed iressaq suġġerimenti li jaraw kif l-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali tkun aħjar u tħares ’il quddiem billi jkun proattiv u jara x’qed jiġri f’pajjiżi oħrajn, filwaqt li jipproponi x’jista’ jsir f’pajjiżna biex is-saħħa tan-nies tkun issalvagwardjata.
Għaldaqstant, jekk il-Gvern għandu verament għal qalbu s-saħħa sesswali, għandu jilqa’ dawn il-proposti tal-Partit Nazzjonalista u jinkludihom fl-Istrateġija Nazzjonali.
Dan intqal fi stqarrija minn Adrian Delia ix-Shadow Minister għas-Saħħa u Graziella Attard Previ ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal.
//= $special ?>