Sport

Għaxaq Wolves iżidu l-vantaġġ fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA

Għaxaq Wolves reġgħu fetħu vantaġġ ta’ erba’ punti f’ras il-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara rebħa komda ta’ 2-0 kontra Mqabba Albions. Mill-banda l-oħra, Balluta Barracudas irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil San Ġiljan Saints fid-derby, filwaqt li l-partita mit-tieni diviżjoni bejn Gudja Wanderers u Ħamrun Amateurs ġiet abbandunata wara 28 minuta minħabba x-xita.

Fit-tielet diviżjoni, Qajjenza ACJ saħħew it-tieni post wara li għelbu lil Mosta Vikings.

Għaxaq Wolves vs Mqabba Albions 2-0

Għaxaq Wolves baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni wara li għelbu lit-tim tal-qiegħ Mqabba Albions 2-0.

Protagonista għall-Għaxqin kien l-attakkant Brażiljan Diego Fernando Pereiera meta skorja doppjetta wara biss minuta logħob filwaqt li fil-45 minuta għamilhom 2-0. L-istess Fernando Pereira kellu ċ-ċans li jiskorja tripletta iżda naqas milli jiskorja penalty mas-siegħa logħob.

B’din ir-rebħa, Għaxaq Wolves għandhom erba’ punti vantaġġ fuq iċ-champions Valletta St Paul’s għalkemm dawn tal-aħħar lagħbu logħba inqas.

Referee kien Ray Tabone.

San Ġiljan Saints vs Balluta Barracudas 2-3

Balluta Barracudas ipproduċew wirja kbira u għelbu lill-ġirien San Ġiljan Saints 3-2. Kienet logħba ferm sabiħa milgħuba f’xita kontinwa li sa ċertu punt ikkundizzjona l-logħob taż-żewġ naħat.

Kienu Balluta li ħarġu mal-ewwel fuq l-attakk u marru minn fuq permezz ta’ Nicholas Borg li llobbja tajjeb minn fuq il-goalkeeper tas-Saints. Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, is-Saints ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Claude Jansen sabiex Dylan Labro poġġihom fil-vantaġġ fit-43 minuta.

Il-Cudas wettqu reazzjoni u skorjaw il-gowl tad-draw minn Nicholas Borg u saħansitra marru minn fuq permezz tal-aqwa skorer tal-kampjonat Andrew Tortell li skorja penalty.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Ħamrun Amateurs vs Gudja Wanderers 1-1 (abb 28 minuta)

Il-logħba bejn Ħamrun Amateurs u Gudja Wanderers ġiet abbandunata fit-28 minuta wara xita qawwija li niżlet u li għamlet il-grawnd ta’ Birżebbuġa ferm impossibbli li jintlagħab il-futbol fih.

Sa dak il-ħin l-iskor kien għadu 1-1 hekk kif Gudja marru minn fuq permezz ta’ Joshua Cutajar sabiex minuta qabel ma waqfet il-logħba, Martin Busuttil ġab id-draw għall-Ħamruniżi.

Il-logħba ġiet abbandunata u trid titkompla f’data li titħabbar aktar tard.

Qajjenza ACJ vs Mosta Vikings 2-1

Qajjenza ACJ saħħew it-tielet post tal-klassifika filwaqt li jinsabu sitt punti biss bogħod mil-leaders Swieqi United AFC meta għelbu lil Mosta Vikings 2-1.

Kienu l-Mostin li marru minn fuq minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Nathan Sciberras sabiex fit-tieni taqsima, Qajjenza ġabu d-draw minn Ronnie Celeste bil-plejer Brażiljan Guillherme Fonseca de Deus li skorja l-gowl tar-rebħa

Referee kien Thomas Debono.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 25; Valletta St Paul’s 21; Marsa St Michael’s 19; Balluta Barracudas 15; San Ġiljan Saints 8; San Ġwann Pro Evolution 6; Ta’ Ġiorni Wanderers 4; Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic 17; Senglea Gunners 15; Birzebbuġa St Peter’s AFC, Attard Edex Kings 13; Żebbuġ Youngsters 10; Ħamrun Amateurs 6; Gudja Wanderers 4; Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 19; Qajjenza AFC 13; St Paul’s Bay NMFC 7; Naxxar Victorians 6; Mosta Vikings 0.