L-MEP u l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista David Casa wissa fil-Parlament Ewropew li l-kundizzjonijiet għall-vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-attivisti għadhom preżenti fil-kuntest tal-erożjoni tal-istat tad-dritt u n-nuqqas min-naħa tal-Unjoni Ewropea li taġixxi b’mod deċiżiv.
“Il-vjolenza kontra l-ġurnalisti mhijiex aċċident. Meta hemm min jemmen li jista’ joqtol ġurnalist b’impunità, tfisser li l-kriminali jaraw sistema korrotta li tiggarantixxi l-impunità tagħhom. Dik is-sistema għadha mhux indirizzata,” wissa Casa f’diskors fis-sessjoni plenarja fi Strasburgu.
Fid-dibattitu li fakkar lill-mibki ġurnalist Slovakk Jan Kuciak, Casa għamel l-intervent tiegħu wara żieda fit-tattiċi intimidanti f’Malta li jirrepetu intimidazzjoni simili li sofriet Daphne Caruana Galizia qabel l-assassinju tagħha. Kuciak inqatel flimkien mal-għarusa tiegħu, Martina Kušnírová, f’każ li xxokkja lis-Slovakkja u li kixef ir-riskji fatali li jiffaċċjaw il-ġurnalisti investigattivi.
Casa enfasizza li reati bħal dawn mhumiex inċidenti iżolati iżda pjuttost sintomi ta’ falliment sistemiku aktar profond. Dak in-nuqqas kompla hekk kif Yorgen Fenech ingħata l-libertà proviżorja, filwaqt li Robert Abela wiegħed li jxekkel l-aċċess għall-ġustizzja u jikkonsolida l-kontroll tal-gvern fuq investigazzjonijiet kontra l-korruzzjoni.
“Min jgħid il-verità qiegħed jitħalla waħdu, mhux biss mingħajr il-protezzjoni tal-istat, imma saħansitra bil-makkinarju tal-gvern kontrihom.”
Casa diġà ċanfar lill-Gvern Malti talli hedded li jdgħajjef l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod simili għat-tħassib mis-soċjetà ċivili li qalet li l-mossi ta’ Abela se jsaħħu l-impunità billi jeliminaw l-aħħar miżura effettiva kontra l-korruzzjoni pubblika.
Dwar ir-rispons kajman tal-UE, Casa qal li “mhux biżżejjed li l-Kummissjoni tesprimi xxokk u tosserva l-iżviluppi fis-silenzju. L-elettorat tagħna qiegħed jistenna azzjoni mill-Kummissjoni biex tinforza l-obbligi tal-Istati Membri skont it-trattati. Minflok għadhom jeżistu kundizzjonijiet perikolużi, kundizzjonijiet li jwittu t-triq għal każ ieħor ta’ vjolenza.”
“Is-saltna tad-dritt hija fundamentali, u wasal iż-żmien li tibda tingħata l-prijorità meħtieġa bl-għodda kollha li għandha l-Kummissjoni.,” temm jgħid l-MEP.
//= $special ?>