L-awtoritjiet għal kontra t-terroriżmu, fil-preżent, qed imexxu l-investigazzjoni dwar l-inċident li seħħ aktar kmieni llum fil-belt ta’ Munich u li fih raġel saq il-karozza direttament għal fuq in-nies li kienu qed jieħdu sehem f’dimostrazzjoni….Azzjoni li rriżultat f’talanqas 30 feruti – uħud kritikament – u meta fost il-vittmi kien hemm anki numru mhux magħruf ta’ tfal.
Is-suspettat, li spiċċa arrestat fuq il-post, għalissa qed ikun indikat bħala Farhad N, Afgan ta’ 24 sena. Feġġew ukoll l-indikazzjonijiet li l-Afgan għandu xi forma ta’ ‘involviment’ mal-gruppi estremisti għalkemm għalissa mhemm l-ebda informazzjoni konkreta li l-azzjoni kellha warajha xi skop terroristiku ‘ċar’.
Filwaqt li l-poplu Ġermaniż qed iħejji għall-elezzjoni ġenerali li se ssir fit-23 ta’ Frar, din l-azzjoni – u każi oħrajn ta’ aggressjoni simili mwettqa mill-barranin fil-Ġermanja – żiedu t-tħassib taċ-ċittadini dwar l-effiċjenza tas-sistemi tas-sigurtà f’pajjiżhom.
U minn din is-sitwazzjoni għandu jiggwadanja l-Partit estremista tal-lemin Afd (Alternativ fuq Deutschland) li qed imexxi l-kampanja elettorali tiegħu fuq il-wiegħda biex inaqqas u jikkontrolla l-immigrazzjoni lejn il-Ġermanja.
L-AfD, bħalissa, qed jirkeb fuq mewġa ta’ popolarità….Xejra li żdiedet b’mod sinifikanti wara li l-aħħar attakki fuq il-pubbliku fl-ibliet partikulari tal-Ġermanja u li twettqu kollha minn barranin residenti fil-pajjiż.
Skont l-aħħar rapporti mill-Ġermanja, ir-raġel li qed jinżamm taħt arrest kien mar il-Ġermanja fl-2016 u fejn l-awtoritajiet ma aċċettawlux l-applikazzjoni għall-kenn politiku. L-istess raġel, imbagħad, ingħata l-permess biex ikompli jgħix fil-pajjiż fuq ‘il-kunċett tat-tolleranza’ u li jfisser li l-awtoritajiet, fl-aħħarnett, kienu deċidew biex jissospendu d-direttiva għad-deportazzjoni ta’ dan l-individwu.
L-aggressur, fl-istess ħin, ilu magħruf mal-awtoritajiet tal-liġi minħabba reati ta’ serq u oħrajn marbutin mad-droga u issa l-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz, fl-ewwel kummenti wara l-inċident, qal li r-raġel suspettat dwar l-attakk għandu jeħel piena xierqa skont il-liġi, minbarra li jitkeċċa mill-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Bavarja, Markus Soder, indika li l-attakk fi Munich seta’ sar bħala ‘messaġġ ta’ intimidazzjoni’ – u meta hu żamm lura milli juża l-kelma espliċita ta’ ‘terroriżmu’.
Id-dimostrazzjoni kienet kważi waslet fi tmiemha meta r-raġel suspettat saq b’veloċità għal fuq l-attivisti fiċ-ċentru ta’ Munich u fost il-kaos u l-pandemonju sussegwenti. Is-sewwieq kien immira l-karozza lejn in-nies li kienu wara nett tal-folla preżenti għad-dimostrazzjoni organizzata minn Verdi – li hi fost l-akbar trade unions fil-pajjiż.
Ir-rapporti qalu li uffiċjal tal-pulizija fl-inħawi, imbagħad, spara tir wieħed fid-direzzjoni tas-sewwieq tal-karozza – bl-aggressur jinżamm taħt arrest ftit minuti wara.
L-awtoritajiet fi Munich, wara l-arrest, ħarġu stqarrija fis-sens li l-aggressur kien wettaq l-attakk waħdu u bl-iskop li huma jserrħu ras il-poplu li ma kienx hemm aktar theddida għalihom fiċ-ċirkustanzi. Intant, ingħad ukoll li l-pulizija qed tinvestiga l-possibbiltà li l-Afgan seta anki kellu passiġġier miegħu waqt il-ħin tal-attakk.
//= $special ?>