Lokali

L-MPE Peter Agius jilqa’ l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin għal Malta u Għawdex

Illum ġie ppubblikat il-programm leġiżlattiv tal-Kummissjoni Ewropea. 51 proposta legiżlattiva li l-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri biex isiru l-liġijiet Ewropej.

Fi stqarrija, l-MEP Nazzjonalista Peter Agius qal kif dan il-programm hu ta’ interess qawwi għall-Maltin u l-Għawdxin għaliex:

  1. Il-Kummissjoni Ewropea, wara pressjoni mill-Parlament Ewropew se tirtira 37 liġi. Għandna bżonn nissimplifikaw l-Ewropa. Dan hu messaġġ li nieħdu mingħand il-Maltin u l-Għawdxin. L-Ewropa qed tilleġiżla wisq. Hemm wisq regoli. Nilqa’ din l-inizjattiva li jiġu rtitati ċerta liġijiet biex nissimplifikaw il-ħajja tal-Ewropej.
  2. Enfasi kbira mill-Kummissjoni Ewropea għal Trasport Sostenibbli. Hawn aħna rridu nkunu preżenti fit-tfassil tal-liġijiet għax għandna għoli tal-ħajja kbir f’Malta u parti kbira minnu ġej mill-ispejjeż tat-trasport għax aħna gżira. Il-liġijiet f’dan ir-rigward iridu jkunu mfasslin għall-bżonn ta’ Malta.
  3. Is-Sigurtà tal-Ikel: punt verament importanti għal Malta. Sirna nimportaw kważi kulma nieklu. Hemm bżonn enfasi fuq is-sigurtà tal-ikel u allura rridu ngħiu lil min jipproduċi l-ikel f’Malta.
  4. Il-Protezzjoni tad-Demokrazija. Qed naraw x’inhu għaddej Malta! Irridu Ewropa li trabbi s-snien biex tigdem. L-Ewropa trid tgħaddi mill-kliem għall-fatti u naraw li ma jkollniex gvernijiet li jagħmlu ħsara lid-demokrazija fil-pajjiżi, partikolarment Malta.
  5. Patt għall-Mediterran. Importanti ferm għal Malta li jrid ikollha l-ambizzjoni li tkun il-pont naturali bejn l-Ewropa u l-Afrika. Hemm ħafna opportunitajiet fil-pajjiżi ġirien tagħna bħal fl-enerġija, il-koperazzjoni kummerċjali, għall-investimenti. Aħna rridu nkunu fuq quddiem biex naraw li nieħdu l-opportunitajiet li ttina s-sħubija fl-UE.

Peter Agius qal li għad baqa’ x’wieħed jidħol fid-dettal tal-proposti leġiżlattivi iżda flimkien mal-istakeholders lokali se jiżgura li ssir attività f’Malta biex jiġu diskussi fid-dettall dak li qed tipproponi l-Kummissjoni u kif bħala MEP Maltin ninfluwenza l-aġenda leġiżlattiva għall-benefiċċju tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.