Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-Parlament li l-PN se jibqa’ fuq in-naħa tal-poplu waqt li l-gvern jinteressah biss fih innfisu.
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament fid-dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-għoli tal-ħajja, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru kkonferma dan, tant li fid-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Prim Ministru għamel 40 minuta jattakka b’mibegħda u bi kliem dispreġjattiv lill-PN.
Dan għax hu Prim Ministru maqtugħ mill-poplu u ma jinteressah minn ħadd, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li l-Prim Ministru saħansitra telaq mill-Parlament u ma sema’ lil ħadd; aħseb u ara kemm se jisma’ lill-poplu li qed ibati.
Il-mozzjoni tal-PN għandha l-iskop li l-Parlament jiddiskuti r-realtajiet tan-nies u s-soluzzjonijet li l-PN qed joffri. Il-gvern ma kellu l-ebda volontà li jiddiskuti l-mozzjoni tal-PN, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li hawn 90,000 persuna f’riskju ta’ faqar; li tfisser persuna minn kull ħamsa f’dan ir-riskju.
Bernard Grech kompla li hawn 3,000 persuna jgħixu fil-garaxxijiet bla dinjità u żied li dan taħt gvern li suppost hu Soċjalist. Hawn 400 persuna li m’għandhomx saqaf fuq rashom u jorqdu barra. Għalhekk il-pajjiż għandu bżonn bidla fid-direzzjoni bi gvern li jħobb, sensittiv u li jgħix l-empatija.
Bernard Grech qal li l-gvern qed jipprova jumilja lill-PN għax jasħeb li hu biss jaf dwar l-ekonomija. Hu sostna li l-Ministru tal-Finanzi falla fil-mudell ekonomiku b’mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin li qed jikkompetu mal-ħaddiema Maltin. Dan filwaqt li dan il-mudell ġab kompetizzjoni inġusta mal-ħaddiema Maltin.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li d-deputati tal-gvern lanqas attendew għal dan id-dibattitu għaliex qed jistħu jkunu fil-Parlament waqt li hemm eluf ta’ familji li qed ibatu fir-realtajiet soċjali tal-pajjiż.
Bernard Gerch qal li l-proposti tal-PN għandhom l-appoġġ tal-imsieħba soċjali li jaqblu wkoll mal-bżonn ta’ bidla fil-mudell ekonomiku. Hu kompla li dan hu l-legat tal-Prim Ministru u tal-Ministru tal-Finanzi.
Fil-Business Perfomance Survey fost in-negozji hemm stabbilit li jridu bidla fid-direzzjoni ekonomika u li kellhom u se jkollhom jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi għaliex il-gvern għabbihom bl-ispejjeż. Il-PN qed jipproponu tax credits lin-negozji biex dawn ma jgħollux il-prezzijiet iżda l-gvern jibqa’ jimpika man-negozji u ma jgħinhomx.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-gvern qed jimpika mal-poplu, mal-vulnerabbli u mal-ħaddiema u l-familji tagħhom. Dan qed iwassal għall-pilloli out of stock u għal sitwazzjoni fejn il-pazjenti qed ikollhom jagħmlu operazzjonijiet għand il-privat flok l-isptar. Il-gvern qed jixxaħħaħ mal-poplu Malti billi jagħtih mediċini inferjuri, sostna Bernard Grech, li qal li l-gvern lanqas irid jisma’ mill-GWU li qablet mal-PN li t-taxxa fuq il-COLA għandha titneħħa.
Bernard Grech sostna li l-Gvern ma jrid jaċċetta ebda proposta li hemm fil-mozzjoni tal-PN. Il-gvern qed jipprova jħassar il-mozzjoni tal-PN iżda l-kuxjena se tibqa’ fuqu, sostna Bernard Grech, li kompla li l-gvern qed jagħti tama u għandu s-soluzzjonijiet. Il-PN iwiegħed li dak li mhux se jimplimenta l-gvern, gvern ġdid Nazzjonalista fl-ewwel sena se jimplimenta dawn is-soluzzjonijiet biex il-poplu jkun qed jgħix aħjar fi kwalità ta’ ħajja li tixraqlu, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
//= $special ?>