Lokali

“It-toroq mhumiex trakki tat-tlielaq” – L-Assoċjazzjoni tal-Kumpaniji tal-Insurance

Ritratt: Martin Agius
L-Assoċjazzjoni titlob għal iktar infurzar

It-toroq ta’ pajjiżna mhumiex trakki tat-tlielaq. U qed isir appell urġenti lill-awtoritajiet ta’ pajjiżna biex jimpenjaw ruħhom u jaraw li l-infurzar fit-toroq ikun b’saħħtu u sostenibbli – infurzar li jkun kontinwu u mhux staġjonali.

Kienet din it-talba b’saħħitha li għamlet l-Assoċjazzjoni tal-Kumpaniji tal-Insurance, fi stqarrija fejn spjegat li s-750 ċitazzjoni li ngħataw għal veloċita eċċessiva f’temp ta’ sitt ġimgħat biss, ifisser li hemm problema kbira fejn tidħol in-nuqqas ta’ attenzjoni u rispett  lejn il-liġijiet tat-traffiku u s-sigurtà tal-pubbliku.

Dan kollu jkompli juri kemm hemm bżonn ta’ iktar viġilanza, kompliet tgħid l-Assoċjazzjoni li fakkret kif l-erba’ fatalitajiet li seħħew f’inqas minn xahrejn huma konnessi mal-veloċità eċċessiva.

Bl-Assoċjazzjoni tgħid ċar u tond li dawn l-inċidenti ma jistghux jiġu injurati, filwaqt li semmiet li l-veloċità eċċessiva mhux l-unika problema allarmanti li qed jiffaċċjaw it-toroq ta’ pajjiżna hekk kif l-użu tal-mobile waqt is-sewqan huwa ta’ theddida wkoll għas-sigurtà kemm tas-sewwieqa kif ukoll għal dawk li jkunu mexjin fit-toroq.

L-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni qalet ukoll li s-sewqan b’veloċità eċċessiva li jsir taħt l-influwenza tax-xorb alkaħoliku jew id-droga kien ġie diskuss f’laqgħa li kellhom mal-Kummssarju tal-Pulizija.

    Spjegat ukoll li s-sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna ma jsirx biss permezz  ta’ ċitazzjoniiet u twissijiet oħrajn imma billi toħloq kultura ta’ rispett. Dan filwaqt li appellat lis-sewwieqa biex ikunu aktar responsabbli.