It-triq li tagħti minn Ħad-Dingli lejn ir-Rabat għandha mill-inqas 9 xhur magħluqa sabiex isir xogħol fejn tidħol is-sistema tad-dranaġġ. Dan ifisser li residenti Dinglin qed ikollhom mill-ġdid jgħaddu mill-Buskett sabiex jaslu r-Rabat wara li esperjenzaw sitwazzjoni simili daqs ftit xhur ilu.
Lura fl-2024, għal xhur sħaħ, Triq ir-Rabat kienet magħluqa għat-traffiku wara li kien qed isir xi xogħol b’rabta mad-distribuzzjoni tad-dawl. Biex issa, din l-istess triq qed terġa’ tinqala’ mill-ġdid hekk kif hemm ukoll il-ħtieġa ta’ xogħlijiet b’rabta mad-dranaġġ.
Dan huwa l-iktar każ riċenti li jipprova n-nuqqas ta’ ppjanar u koordinament ta’ dan il-Gvern Laburista hekk kif ix-xogħol kollu meħtieġ ma sarx f’darba iżda b’differenza qed jerġgħu jintefqu flus il-poplu Malti u Għawdxi fuq xogħol doppju.
L-ewwel xogħol kien sar mill-Enemalta għal xhur sħaħ matul is-sena l-oħra u x-xogħol li qed isir bħalissa qed isir mill-Water Services Corporations; żewġ entitajiet tal-Gvern li qed japprovaw in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejniethom. Xi ħaġa li għal dan in-nuqqas qed ibati minnu l-poplu Malti u Għawdxi.
Ir-residenti Dinglin spiċċaw frustrati għaliex biex joħorġu mir-raħal ikollhom itawlu sew, apparti t-traffiku kbir li qed jinħoloq il-Buskett minħabba li dawn it-toroq dojoq mhumiex adattati għal ħafna karozzi, inkluż ir-rotot kollha ta’ tal-linja.
Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jappella lill-Gvern biex ix-xogħlijiet fit-toroq isiru bi ħsieb għaliex in-nuqqas ta’ pjan jissarraf fi tberbiq ta’ flus u aktar inkonvenjent għan-nies u għall-komunità kummerċjali. Sitwazzjoni li qed naraw f’għadd ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u jidher li l-Gvern Laburista m’għandu l-ebda pjan li jbiddel id-direzzjoni tiegħu.
Ta’ min wieħed jiġbed ukoll l-attenzjoni li l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli ma kienx mgħarraf dwar dan u sar jaf biss permezz ta’ Facebook post li tefa’ l-Kunsill Lokali tar-Rabat. U dan ifisser ukoll li r-residenti Dinglin saru jafu li dan ix-xogħol se jkun qed jaffettwahom ftit jiem biss qabel beda x-xogħol.
Apparti minn hekk, jidher li l-Water Services Corporations naqqsu milli jaħsbu fil-bdiewa taz-zona tant li l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli talbu biex waqt dawn ix-xogħlijiet għas-sistema tad-dranaġġ, issir ukoll sistema għall-ilma. Mhux magħruf jekk dan il-proġett hux se jkun qed jiżdied ma’ dak tad-dranaġġ jew jekk it-triq hix se tkun qed terġa’ tinqala’ fil-futur għat-tielet darba fi ftit xhur.
//= $special ?>