Lokali Qorti

Konfermata d-deċiżjoni li tiċħad it-talba ta’ Repubblika għal passi kontra l-ogħla uffiċjali tal-Bank Pilatus

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kkonfermat il-konklużjoni tas-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Nadine Sant Lia madwar xahar ilu, għal raġunijiet kompletament differenti minn tal-ewwel Qorti u cioe’ għaliex qalet li fuq dan il-każ il-ballun jinsab f’saqajn l-Avukat Ġenerali.

Fis-sentenza tal-Ħamis il-Qorti qalet li kienet qed tibbaża d-deċiżjoni tagħha prinċiparjament fuq il-fatt li l-Avukat Ġenerali ħarġet nolle prosegui, u cioe’ ordni, biex ma jitniedux proċeduri kriminali kontra żewġ individwi li l-Inkjesta Pilatus kienet ordnat li jitressqu l-Qorti.

“Din il-kawża konna għamilnieha biex il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jeżegwixxi, fuq ir-reati li huma ta’ kompetenza tiegħu, l-ordni tal-Maġistrat li mexxa l-Inkjesta dwar il-Bank Pilatus u jressaq il-Qorti lil sitt uffiċjali tal-bank, fosthom lis-sid Iranjan tal-bank Ali Sadr,” qalet Repubblika.

“Il-battalja tagħna fil-Qorti dwar l-Inkjesta tal-Pilatus issa tkompli bil-każ li qed nagħmlu kontra l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, li issa akkwistat importanza akbar minn qabel. Tlett snin ilu konna antiċipajna din il-possibilita’ li llum saret realta’ u għalhekk konna bdejna proċeduri dwar dan il-każ kontra l-Avukat Ġenerali wkoll,” kompliet tgħid l-NGO.

Ingħad ukoll li Gafà u Buttigieg iddeċidew li jiġu jaqgħu u jqumu minn dak li ordnalhom il-Maġistrat Ian Farrugia u mis-sitt persuni indikati mill-Inkjesta ressqu waħda biss. Lil żewġ uffiċjali tal-bank tawhom ‘get out of jail free card’ u lit-tlieta l-oħra, fosthom Ali Sadr, ħallewhom iduru d-dinja jgawdu ġidhom qisu qatt ma ġara xejn.

“M’hawn ħadd f’pajjiżna li ma jafx li l-klikka kriminali tal-Bank Pilatus ħammġet isem Malta madwar id-dinja. Kif kien qal tajjeb ħafna l-Maġistrat Joe Mifsud fil-Qorti, il-konsegwenzi ta’ dan l-għemil kriminali batejniehom u qed inbatuhom aħna, il-Maltin u l-Għawdxin,” qal l-eks President ta’ Repubblika Robert Aquilina.

F’isem Repubblika u bl-assistenza imprezzabbli tal-Avukat Jason Azzopardi, ntużat l-għodda biex tinkiseb ġustizzja għal Malta u għall-poplu. Is-sentenza tal-Ħamis tfisser li dawn l-għodda s’issa ma kinux biżżejjed biex il-Kummissarju tal-Pulizija jkun imġiegħel jobdi l-ordni tal-Maġistrat Inkwirenti biex issir ġustizzja f’dan il-każ.

Repubblika qalet ukoll li dawk l-għodda saru imperfetti mill-gvernijiet ta’ Joseph Muscat u Robert Abela apposta biex jagħmilha impossibbli għaċ-ċittadin li jara li l-kriminali jitressqu l-Qorti. Repubblika irringrazzjat lill-poplu tas-sapport li wera tul dawn il-proċeduri, bl-eks President tal-NGO Repubblika Robert Aquilina jirringrazzja fuq kollox lill-vera eroj ta’ din l-istorja: is-sorsi li ressqu ‘l quddiem bl-informazzjoni li kixfet dak kollu li nafu llum.