Internazzjonali

L-Alleati tal-Punent inkwetati li l-konklużjoni tal-gwerra fl-Ukrajna kapaċi tiffavorixxi l-aktar lil Putin

Żdiedet il-biża’ li r-Russja ta’ Vladimir Putin se tiggwadanja ‘bil-kbir’ mill-gwerra tal-Ukrajna li ilha għaddejja għal kważi tliet snin u meta l-Istati Uniti qed tiżvela aktar ambizzjonijiet kontroversjali relatati mal-politika barranija ta’ Washington.

Dan wara li l-President Amerikan, Donald Trump, qal li hu, fl-aħħar sigħat, kellu ‘taħditiet mill-aqwa’ mat-tmexxija tar-Russja u daqstant ieħor l-Ukrajna u fejn hu enfasizza ‘l- possibbiltà kbira li l-konflitt tal-Ukrajna jasal għal konklużjoni’.

Filwaqt li l-Ewropa u pajjiżi oħra tal-Punent  jinsabu xettiċi u mħassbin dwar l-iżviluppi, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Pete Hegseth, qed jinsisti li t-tentattivi ta’ Trump biex jinnegozja ftehim għall-paċi ‘ċertament mhumiex forma ta’ tradiment tas-suldati tal-Ukrajna li qed jiddefendu s-sovranità ta’ pajjiżhom’.

Iżda l-aġir tal-Istati Uniti qed jidher ukoll detrimentali għall-Alleanza tan-NATO li twaqqfet ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija bħala entità responsabbli mid-difiża u s-sigurtà tal-Istati membri tal-Punent.

U waqt li s-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte, qed jipprova jsalva l-kredibbiltà tal-Alleanza fiċ-ċirkustanzi, diversi uffiċjali Ukreni huma inkwetati li l-President Russu Vladimir Putin kapaċi ‘jipperswadi’ lil Donald Trump biex jinsisti għal ftehim li jikkonsolida ‘b’mod uffiċjali’ l-kisbiet territorjali tal-qawwiet tal-Kremlin fl-Ukrajna.

Dan waqt  li l-Ministru tad-Difiża Ukren, Rustem Umerov, qed jaċċerta lill-Alleati tan-NATO li pajjiżu, minkejja dawn is-snin ta’ konflitt, ‘jinsab b’saħħtu u kapaċi biex jirrealizza t-tragwardi fuq livell nazzjonali’.

Il-qawwiet tar-Russja, fi Frar tal-2022, kienu mexxew l-invażjoni totali tal-Ukrajna, kważi tmien snin wara li Moska kienet ħatfet il-penisola tal-Krimea lill-Ukreni u għaqqditha mat-territorji kontrollati mill-Kremlin.

U filwaqt li l-pajjiżi tal-Punent qed jinsistu li ma tistax issir diskussjoni dwar is-sigurtà futura tal-Ukrajna mingħajr is-sehem tal-Ukreni, ir-realtà tibqa’ li Donald Trump qed jitratta l-gwerra fl-Ukrajna bħala ‘problema esklussiva tal-Ewropa’ – u possibbilment bħala riżultat ta’ politika żbaljata fuq livell pan-Ewropew… opinjoni li tirrifletti wkoll il-ħsibijiet ta’ Vladimir Putin innifsu.