“L-Għaqda Repubblika u Occupy Justice flimkien ma’ Aditus Foundation, The Daphne Caruana Galizia Foundation, PEN Malta, l-Għaqda Studenti tal-Liġi, u Vuċi Kollettiva, isejħu lill-persuni ta’ rieda tajba li għandhom għal qalbhom id-demokrazija għal Protesta nhar il-Ħadd 16 ta’ Frar 2025 fl-4pm li tibda minn quddiem il-bini tal-Parlament.
Il-protesta qed tissejjaħ bil-għan li tfittex li tipperswadi lill-gvern li jwaqqaf id-diskussjoni fil-Parlament fuq l-Abbozz Nru. 125 li jneħħi d-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesti maġisterjali. Minflok, qed nitolbu lill-gvern jibda proċess serju ta’ konsultazzjoni dwar riformi fis-sistema ġudizzjarja biex isaħħaħ il-kapaċità ta’ pajjiżna biex niġġieldu l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.
Fl-istess waqt l-għaqda Repubblika u Occupy Justice tennew il-qbil ma’ wħud mir-riformi proposti fil-liġi li jtejbu d-drittijiet tal-vittmi waqt li jkunu għaddejjin l-inkjesti.
Bħalma qalu l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-Kamra tal-Avukati u l-Kamra tal-Kummerċ fost oħrajn, Repubblika u Occupy Justice ma jistgħux jifhmu l-għaġġla tal-gvern li jrid jimponi din il-liġi mingħajr ebda forma ta’ djalogu pubbliku. Jirrespinġu l-akkuża li l-pożizzjoni li qed jieħdu hi b’xi mod estremista. F’demokrazija, id-difiża paċifika tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha ma tista’ qatt tissejjaħ estremista.
Is-sejħa għal din il-protesta hi allura sforz ieħor biex jipperswadi lill-gvern jisma’ l-oġġezzjonijiet dettaljati u tekniċi li qed isiru minn ħafna u jibda konsultazzjoni effettiva dwar riformi ta’ fejda waqt li jieqaf jhedded li jgħaffeġ drittijiet li llum għandhom iċ-ċittadini kollha.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/13114617/ocupy1-425x600.jpg)