Lokali

OPINJONI: Gvern imbeżża’ mill-verità

L-ikbar problema li għandu dan il-gvern – u li tefagħha fuq il-pajjiż – hi dik tal-governanza; proprju għaliex in-nuqqas ta' tħaddim u twettiq tal-prinċipji tal-governanza tajba huma mifruxa kważi kullimkien

Dione Borg
Ġurnalist u Kandidat tal-PN

M’hawnx settur wieħed li hu wieħed li mhux jew m’għaddhiex minn kriżi ta’ governanza. Il-mod kif il-Gvern irid inaqqas id-dritt taċ-ċittadin li jiftaħ inkjesta maġisterjali hu konferma qawwija li l-Gvern għandu intenzjonijiet ħżiena fir-rigward tal-governanza.
Illum ħadd m’għandu dubju għaliex l-ewwel deċiżjoni li l-Gvern Laburista ħa meta kien elett fl-2013 kienet dik li jneħħi lill-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo.
Kien hemm dak iż-żmien min ħaseb li din id-deċiżjoni kienet waħda normali li ssir meta jkun elett Gvern ġdid; iżda llum hu stabbilit li l-intenzjoni ma kinitx waħda amministrattiva iżda waħda intenzjonata li ddgħajjef idejn il-Pulizija fl-iktar aspett kruċjali għaliha; fl-investigazzjonijiet.
Il-fatt li għal snin twal il-Korp tal-Pulizija kellu bidliet fit-tmexxija tiegħu b’Kummissarju tal-Pulizija wieħed wara l-ieħor taħt Gvern Laburista kien ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet ħżiena meħuda mill-Gvern u li wasslu biex ġabu instabbiltà kbira fit-tmexxija ta’ din l-istituzzjoni importanti.
Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni u ġab ir-riżultati li ried il-Gvern; ġab sitwazzjoni fejn il-Korp tal-Pulizija ma jinvestigax l-ikbar każi ta’ korruzzjoni li seħħet fil-pajjiż u li fih hemm l-involviment tal-politiċi.

Il-Pulizija assenti
Din is-sitwazzjoni wasslet biex il-Pulizija ma tinvestigax u tibqa’ assenti dwar il-korruzzjoni tal-isptarijiet, 17 Black, il-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, il-commissions marbuta mal-korruzzjoni tal-isptarjiet, il-power station tal-Electrogas, il-commissions wara t-tanker tal-gass, il-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti f’Dubaj, il-kuntratt tal-€100 miljun lil Steward u l-windfarms tal-Montenego fost każi straordinarji u kbar oħra.
Għall-Kummissrju tal-Pulizija Angelo Gafà dawn il-każi kollha ma jimmeritawx investigazzjoni u fil-każ tal-korruzzjoni tal-isptarjiet, il-Pulizija ħadet biss passi meta l-Maġistrat ikkonkludiet l-inkjesta; u allura ma kien hemm l-ebda alternattiva oħra li jittieħdu l-passi.
Dan hu nuqqas kbir fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Maltin, li bi dritt jistennew mingħand il-Pulizija dik l-istituzzjoni li jkollha l-kuraġġ tinvestiga.

Is-saltna tad-dritt
Quddiem din is-sitwazzjoni l-poplu Malti, l-għaqdiet, is-soċjetà u l-partiti politiċi li jemmnu fis-saltna tad-dritt ma kellhom l-ebda għażla ħlief li bl-informazzjoni li jkollhom imorru għand Maġistrat biex tinfetaħ inkjesta.
Illum il-poplu Malti m’għandux il-fiduċja li l-Kummissarju tal-Pulizija se jwettaq l-investigazzjonijiet neċessarji. Illum il-poplu Malti jaf li l-Kummissarju se jġib l-iskużi kollha u l-argumenti legali kollha biex jipprova jevita li l-Pulizija tinvestiga.
Għalhekk hu kruċjali li ma jintilifx id-dritt taċ-ċittadin li jkun jista’ jmur bl-informazzjoni għand Maġistrat biex dan jagħmel investigazzjonijiet indipendenti. Mhux minnu, kif kien stabbilit minn konklużjonijiet ta’ inkjesti indipenenti, li ma jistgħux isiru inkjesti maġisterjali u inkjesti pubbliċi fl-istess perjodu.
Anzi l-verità hi li dawn l-investigazzjoniiet jistgħu jimxu b’mod parallel u jkunu ta’ korraborzzjoni għal xulxin. Iżda l-Gvern kontinwament jipprova jwaqqa’ d-dritt taċ-ċittadin li jsiru l-inkjesti billi jgħid li l-inkjesti pubbliċi jfixxklu l-inkjesti maġisterjali.
Dan assolutament mhux minnu. Tant il-Gvern jibża’ mill-inkjesti pubbliċi li kien oġġezzjona u oppona li ssir l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u anki dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Mhux biss mill-inkjesti pubbliċi jibża’ l-Gvern, iżda anki minn inkjesti maġisterjali; jibża’ li tinkixef il-verità. F’din is-sitwazzjoni li jinsab bħalissa l-Gvern meta issa stabbilit li l-inkjesta dwar 17 Black u l-power station tal-Electrogas hi konkluża iżda l-Gvern jibqa’ ma jridx li din tkun pubblikata… għalkemm il-Prim Ministru ammetta li kien jaf x’fiha l-inkjesta!
Għaliex l-inkjesta 17 Black għandha tkun pubblikata? L-inkjesti maġisterjali ma jkunx ippubblikati għaliex dawn huma proċess importanti tal-ġudikatura u jkun fihom element ta’ investigazzjonijiet u ġbir ta’ provi li l-Pulizija jkollha bżonnhom biex tressaq lill-persuni quddiem il-Qorti. Iżda din l-inkjesta mhix waħda normali; hi inkjesta ta’ interess nazzjonali f’ċirkostanzi li l-Pulizija mhix tinvestiga.

Istituzzjonijiet li mhux jiffunzjonaw
Din mhijiex sitwazzjoni normali. Li kieku l-Pulizija qed twettaq dmirha u qed tinvestiga, allura l-poplu Malti kien ikun f’pożizzjoni differenti. Għalhekk hemm bżonn nazzjonali li din l-inkjesta tkun ippubblikata.
X’qed jipprova jagħmel il-Gvern? B’intenzjoni ħażina l-Gvern qed jipprova jimblokka liċ-ċittadin u lis-soċjetà milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiftħu inkjesti quddiem Maġistrat wara li jkunu għaddewlu l-provi. Il-Gvern issa jrid li l-informazzjoni l-ewwel tmur għand il-Kummissarju tal-Pulizija u wara tmur għand il-Maġistrat.
Dan f’sitwazzjoni fejn il-Kummissarju tal-Pulizija ma jinvestigax l-akbar akkużi ta’ korruzzjoni u fejn is-sitwazzjoni mhix normali iżda surreali.
Il-Prim Ministru qed jipprova jagħti l-impressjoni li din il-liġi qed issir bl-iskop li jkun protett iċ-ċittadin iżda l-verità hi li l-intenzjoni tal-Gvern hi biss li jipproteġi lil numru ta’ Ministri tiegħu li fil-konfront tagħhom hemm diversi rapporti u li hemm talbiet għall-ftuħ ta’ inkjesti.
Minflok iħalli l-proċess isir bla ndħil, il-Prim Ministru jrid jassigura li l-informazzjoni ma tmurx dirett għand il-Maġistrat iżda tmur għand il-Kummissarju tal-Pulizija bi skop ċar li l-inkjesti ma jsirux u li kollox jintefa’ taħt it-tapit.
Fl-emendi li jrid jgħaddi l-Gvern, l-inkjesti dwar Vitals/Stewrad u dwar 17 Black flimkien ma’ inkjesti oħra ma kinux isiru. Dan hu proprju dak li jrid il-Gvern.