mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Ċertament, mhux suġġett faċli li wieħed jaffronta. Biss naħseb li huwa xieraq li nagħrfu li għandna nagħmlu numru ta’ differenzi, u f’dan forsi nagħrfu wkoll l-influwenzi li għaddejjin minnhom. Għax il-bniedem huwa importanti u huwa mwieled b’dinjità u valur li m’għandux bżonn is-suq li jistmalu. Twieled bi drittijiet fundamentali li għandhom jiġu rispettati.
Mhuwiex il-konsumatur li se jaqa’ fix-xibka tal-ħsibijiet ta’ kif tressqu jixtri dak li m’għandux bżonn. Wisq inqas ma huwa dak li tistmah mhux skont id-dinjità imma f’kemm jaqla’ flus, jew f’kemm ġemma’ u akkumula. Hemm, u f’dan nagħmel distinzjoni bejn il-kelma ‘persuna’ u ‘l-individwu’. Tat-tieni ma narax li tirrispetta biżżejjed, u anki jekk ma tmurx sa dik tal-konsumatur, xorta fiha kunċetti ta’ oġġett, ta’ numru, ta’ min huwa irrilevanti f’xenarju li jinbidel.
X’nużaw u x’nifhmu
F’dan, għalhekk, irridu naraw xi kliem nużaw u x’kunċetti u piż nagħtuhom. Nistaqsu kemm aħna maħkuma minn ideat li tant daħlu magħna li anqas ma aħna nistaqsu jekk humiex tajba jew humiex tagħna. Drajna bil-kelma ‘individwu’, b’dik tal-‘konsumatur’.
Drajna nħarsu lejn is-soċjetà f’termini ta’ suq liberu jew le. Kabbarna l-kompetizzjoni bejn il-bnedmin, flok issudajna l-mod ta’ kif naħdmu flimkien għall-ġid ta’ xulxin. Intlifna naħsbu li kull persuna huwa għal rasu tant li jista’ jinsa lill-oħrajn, u anzi, li m’għandux responsabbiltà soċjali lejhom. Ngħixu f’dinja fejn anki l-politika saret iktar magna tas-suq. Kompetizzjoni bejn il-partiti fuq linji tas-suq, bejn id-deputati internament, il-kandidati u l-kumitati. Qisu kulħadd ġie kontra kulħadd, u mhux favur ta’ xi ħadd. Tlifna l-għarfien li fil-koperazzjoni, fl-għaqda ta’ ideat u ħsibijiet, nistgħu nirnexxu. Għas-suq qed inżarmaw il-prinċipji fundamentali li jagħmlu partit politiku.
Colin Crouch
Għax partit imur lura bil-loġika tas-suq liberu, mentri jimxi ’l quddiem jekk jifhem li għandu jġib lil kull persuna taħdem flimkien. Iktar koperazzjoni, inqas kompetizzjoni. F’dan nikteb aktar waqt li qed naqra waħda mill-kitbiet qosra ta’ Colin Crouch (1944). Akkademiku Ingliż, soċjologu u xjenzat politiku, magħruf l-iktar għall-ktieb tiegħu Coping with Post-Democracy (2000).
Qiegħed naqra l-librett Can Neoliberalism be saved from itself? (2017), li huwa mexxej u interessanti ħafna. Jimmerita li jinqara. Minnu slitt numru ta’ punti li għalija naħseb li huma tajbin biex jitressqu sabiex wieħed jifhem kemm il-kultura neoliberali qegħda tinfluwenzana mingħajr aħna stess ma qegħdin nindunaw.
Sejrin lura
Influwenza li mhix tagħmel lil ħajjitna jew lis-soċjetà tagħna aħjar. Anzi, sejrin lura. Dan l-iktar fl-inugwaljanzi li qed jiġu prodotti. Crouch jgħidilna, u wieħed hawn irid jifhmu sew:
“Although neoliberals will insist that the market is not concerned with moral worth, only efficiency, in reality high income is often taken as a sign of social and even moral superiority. The rich receive deference and respect in daily life in a manner never accorded to people on modest incomes.” (Għalkemm in-neoliberali jinsistu li s-suq ma jagħtix kas il-valur morali tal-persuna, imma jara biss kemm hija effiċjenti, fir-realtà min għandu dħul għoli ħafna xi drabi huwa kkunsidrat minnhom bħala li għandu jgawdi minn superjorità soċjali u morali. Fejn is-sinjuri jiġu stmati u rispettati fil-ħajja ta’ kuljum b’mod li qatt ma jingħata lil dawk li jaqilgħu inqas.)
Proprju għalhekk li hemm akkaniment kontra l-politiċi veri, għax dawn iħarsu li jissudaw l-aspett uman tal-ħajja u mhux dak materjali.
Daħal fejn m’għandu
Crouch ikompli jelabora u jikteb hekk fuq dan l-attentat lejn bidla fil-kultura u l-valuri ta’ soċjetà li qabel mexxietna sew:
“Neoliberals increasingly sought means of extending the reach of the market, applying market concepts to penetrate institutions like the family. Organisations in most areas of life (for example, churches, cultural bodies) have been persuaded by neoliberal governments and sponsors to structure themselves as though they were profit-making concerns.” (In-neoliberali fittxew b’iktar saħħa kif jestendu l-kunċetti tas-suq, billi japplikawhom f’istituzzjonijiet bħall-familja. Organizzazzjonijiet f’ħafna mis-setturi tal-ħajja (pereżempju l-knejjes u l-għaqdiet kulturali) ġew persważi minn gvernijiet neoliberali u benefatturi sabiex jibnu ruħhom qishom strutturi li jagħmlu l-profitt.)
Ma taħdimx
Fil-parti l-kbira, ninsabu fejn ninsabu bħala soċjetà għax abbandunajna ħafna mill-kunċetti u l-valuri li bnewna, u morna għal dak li n-neoliberaliżmu qed jiddikjara. Anki partiti politiċi qed jiġu influwenzati minn dan.
Biex is-soċjetà tiġi riformata rridu nifhmu li dak li jista’ jkun tajjeb fis-suq mhuwiex f’dak l-ieħor tal-ħajja tagħna. M’għandniex bżonn nikkultivaw il-kompetizzjoni ma’ xulxin. Lanqas li nħarsu lejn xulxin bħala konsumaturi, jew fl-individwaliżmu ta’ sempliċi oġġetti. Irridu nifhmu li aħna għandna valur għax aħna bnedmin bid-difetti tagħna, sija fil-politika, kif ukoll fis-suq.
M’aħniex fil-grad tal-effiċjenza li n-neoliberaliżmu jridna, imma lanqas m’aħna inqas mill-istess suq fl-iżbalji kontinwi li jagħmel.
Dak li jitpinġa aħjar u aqwa ma huwa xejn minn dan, u hawn hemm x’wieħed iwettaq: dak li ma jħallix dak li qisu proċess irriversibbli, imma anzi li wieħed jagħraf dak li huwa l-individwaliżmu fil-kunċetti neoliberali biex inkunu dak li verament aħna.