Lokali

OPINJONI: Tliet ċifri importanti

Qisu lbieraħ li bdejna l-2025. Diġà għadda l-ewwel xahar tas-sena! Tul din is-sena l-Partit Nazzjonalista jrid iżżid il-ħidma tiegħu favur kulħadd. Iżda għalina tal-APAN din trid tkun iktar favur il-pensjonanti u l-anzjani.

Joe M Zahra
President tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN)

Illum irrid nagħti tliet ċifri: 1,600; 20,000 u 29,000. X’jippreżentaw għall-anzjani dawn it-tliet numri?
■ 1,600 hu n-numru ta’ kemm hemm anzjani jistennew post f’dar tal-anzjani;
■ 20,000 hu n-numru tal-anzjani li qed jgħixu waħedhom;
■ 29,000 hu n-numru ta’ anzjani li qed jgħixu fir-riskju tal-faqar.
Dawk li qed jistennew post f’dar tal-anzjani, fejn iqattgħu l-aħħar snin ta’ ħajjithom, għaddew il-proċeduri kollha u wħud minnhom issa ilhom jistennew biex jinstabihom post f’dawn id-djar.
Dan il-Gvern mhux talli ma beniex iktar djar ġodda għall-anzjani iżda għalaq tnejn: dik tal-Imsida u l-oħra ta’ Bormla. Tal-Imsida nbidlet f’car park temporanju. Aħseb u ara kemm ser tinbena mill-ġdid! Id-djar għall-anzjani huma dawk li nbnew taħt gvernijiet Nazzjonalisti. Dan il-gvern iparla ħafna, iżda ma jagħmel xejn.
L-20,000 persuna li jgħixu waħedhom jeħtieġu s-servizzi neċessarji. Servizzi li wkoll huma dawk li kienu daħħlu gvernijiet Nazzjonalisti. Dawn flok jiżdiedu qed jonqsu fit-tul li jingħataw u f’kemm-il darba jingħataw.

Anzjani jgħixu waħedhom
L-anzjani li jgħixu waħedhom qed jiffrankaw lill-Gvern mhux biss il-flus iżda wkoll uġigħ ir-ras biex isibilhom post fid-djar tal-anzjani. Għalhekk jeħtieġu kull għajnuna biex jinżammu fil-qalba ta’ fejn għexu.
U fl-aħħar għandna d-29,000 anzjan fuq il-65 sena li jinsabu fir-riskju tal-faqar. Tafu kemm kien in-numru ta’ dawn fl-2013? 10,046. Illum humu t-tripplu.
Dan qed iseħħ għal diversi raġunijiet fosthom l-għoli tal-ħajja, b’mod speċjali l-għoli tal-ikel u l-mediċini, iż-żieda fenominali fil-kirjiet u fis-servizzi tas-saħħa.
Ifisser li ż-żidiet li qed jingħataw lill-pensjonanti mhumiex biżżejjed biex jgħixu ħajja diċenti u biex iżommu l-livell tal-għejxien tagħhom.
L-ewwel żewġ ċifri ħarġu minn interpellanzi li għamlet Paula Mifsud Bonnici, ix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva. Iċ-ċifra ta’ dawk fir-riskju tal-faqar toħroġ minn statistika uffiċjali.
Meta niltaqgħu fil-bidu tal-2026 inkunu nistgħu nikkonkludu jekk l-anzjani u l-pensjonanti marrux aħjar jew agħar – anke minn dawn it-tliet ċifri. Mhux billi jonqsu xi ftit. Iżda billi jonqsu b’mod drastiku.