Lokali Qorti

Raġel jingħata l-libertà proviżorja wara li ġie mixli b’aggressjoni fl-Għassa taż-Żejtun

Raġel ingħata l-libertà proviżorja wara li ġie mixli li aggredixxa uffiċjali tal-pulizija fl-Għassa taż-Żejtun. Kevin Borg ta’ 45 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit u wieġeb mhux ħati li fid-9 ta’ Frar hedded u aggredixxa tliet pulizija u li għamel ħsara fuq il-bodycam ta’ uffiċjal.

Ir-raġel, minn Ħal Għaxaq, ġie mixli wkoll b’pusses sempliċi ta’ cannabis u li sar reċediv. Xehed l-Ispettur Wayne Bonello kif Maġistrat kien ħareġ ordni tal-Qorti biex jarresta lil Borg għax naqas li jattendi għas-seduti tat-traffiku.

Meta Borg mar jiffirma fl-Għassa taż-Żejtun fid-9 ta’ Frar, uffiċjali tal-pulizija infurmawh li kien inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu, u kien arrestat. Huwa spiċċa rreżista l-arrest. Sadanittant, uffiċjali tal-pulizija marru fil-vettura ta’ Borg, ipparkjata quddiem l-għassa, biex jitfu l-magna tal-karozza, peress li kien ħalliha startjata.

Dan meta l-uffiċjal xamm riħa ta’ cannabis. Fil-preżenza tiegħu saret tfittxija fil-karozza tiegħu u l-uffiċjali sabu l-cannabis fil-vettura. Iżda Borg ilmenta li fiżikament ma kienx qed iħossu b’saħħtu u ttieħed l-isptar. Imbagħad attenda għas-seduta tat-traffiku skont l-ordni tal-Qorti u fil-11 ta’ Frar ġie infurmat dwar l-arrest tiegħu mill-ġdid minħabba l-akkużi ta’ attakk tal-pulizija.

L-avukat ta’ Borg Franklyn Calleja, qal lill-Qorti li waqt li kien fl-għassa, l-akkużat ried imur id-dar biex jieħu pilloli għax isofri minn kundizzjoni fejn ma jkunx qed jiffunzjona mingħajr din il-medikazzjoni. Qal li dan inqabad fuq il-bodycam li wriet li jgħid lill-pulizija li se jmur jieħu l-pilloli tiegħu u jirritorna.

Borg ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni li torbtu biex ma javviċinax lill-uffiċjali li allegatament aggredixxa.