Ewropa Internazzjonali

Il-President Roberta Metsola taqsam lejn gaża

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qasmet il-fruntiera lejn Gaża biex saret l-ewwel mexxej Ewropew f’aktar minn 10 snin li marret f’dan it-territorju. Dan wara li laqgħet stedina mill-awtoritajiet biex iżżur Iżrael u l-Palestina f’mument kritiku biex jinżamm il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas.

Roberta Metsola vvjaġġat lejn il-Fruntiera ta’ Kerem Shalom biex iżżur l-ħidma umanitarja. Minn hemm, il-President Metsola qasmet lejn Gaza fejn setgħet tara l-għajnuna umanitarja li kienet dieħla lejn it-territorju.

Il-qsim tal-fruntiera sar f’mument kruċjali, u kien maħsub biex jenfasizza l-irwol kritiku tal-UE fl-appoġġ tal-isforzi umanitarji f’Gaża u l-impenn tal-UE li tkompli tappoġġja l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi.

Wara r-ritorn tagħha f’Iżrael, il-President Metsola ġiet infurmata mill-Missjoni ta’ Assistenza fil-Fruntieri tal-Unjoni Ewropea għall-Qsim ta’ Rafah dwar il-missjoni tagħhom u l-isforzi kontinwi biex tappoġġja l-għajnuna umanitarja f’Gaża.

Fl-aħħar xhur, l-UE pprovdiet kważi nofs biljun Ewro f’għajnuna umanitarja.

Permezz tal-preżenza tagħha, il-President Metsola qed tibgħat messaġġ ċar li l-Ewropa lesta timpenja ruħha b’mod kostruttiv mal-imsieħba kollha fir-reġjun. Hija ttenniet l-impenn tal-UE li tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja tant meħtieġa filwaqt li appellat lill-komunità internazzjonali biex iżżid l-għajnuna umanitarja tagħha lil Gaża.

Tul il-jum, hi kellha taħditiet mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iżraeljan u l-Ispeaker tal-Knesset f’Ġerusalemm.

Il-President Metsola żaret ukoll il-Missjoni ta’ Assistenza fil-Fruntieri tal-Unjoni Ewropea ta’ Rafah. Aktar tard hija żaret is-sit fejn kien seħħ il-Festival Nova ….fejn sar l-attakk fis-7 t’Ottubru.

Il-Ġimgħa, il-President Metsola se tiltaqa’ mat-tmexxija Palestinjana f’Ramallah. Hija se tiltaqa’ ma Hussein al-Sheikh, Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Organizzazzjoni tal-Liberazzjoni Palestinjana u man-Nominata għall-Premju Sakharov 2024, Reem Al Hajajra, Direttur tan-Nisa tax-Xemx.

Matul iż-żjara tagħha, hija se tiltaqa’ wkoll ma’ ostaġġi meħlusa, il-familji tagħhom u l-vittmi tal-kunflitt.