Lokali

Twissija ċara mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji

Tkompli l-kritika lejn ir-riforma fl-Inkjesti Maġisterjali li qed jipproponi l-Gvern ta’ Robert Abela hekk kif issa kien imiss lill-Kamra tal-Intrapriżi żgħar u Medji li tesprimi t-tħassib serju tagħa dwar din ir-riforma… li kif inhi preżentata bħalissa se tkun qed tnaqqas is-saħħa taċ-ċittadini. Bil-Kamra tal-SME’s tinsisti li kull tibdil li jsir fil-liġijiet għandu jsir biex tiżdied il-fiduċja tal-poplu fis-sistema u mhux bil-kontra.

Fi stqarrija, iċ-Chamber of SMEs fakkret fl-istħarriġ li għamlu huma stess flimkien mal-MISCO man-negozi żgħar u medji fejn iktar minn 40% ta’ dawk li wieġbu qalu li n-nuqqas ta’ governanza u l-livell ta’ korruzzjoni kienu fost l-iktar affarijiet li jinkwetawhom.

Bil-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji tgħid li l-Gvern għandu jindirizza dawn il-problemi billi jimplimenta miżuri li jkomplu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

U huwa proprju għalhekk, kompliet tgħid il-Kamra, li kull aġġustament fl-Inkjesti għandu jiżgura li jsaħħaħ il-governanza tajba u jiġġieled il-korruzzjoni.

Fost oħrajn, iċ-Chamber of SME’s fissret kif din il-proposta tal-Inkjesti Maġisterjali qed tkun mgħaġġla immens. U apparti minn hekk, semmiet proposti li għandhom jingħataw l-istess importanza – fosthom it-tnaqqis fir-rata tal-income tax għan-negozji kif ukoll attenzjoni għal ġlieda kontra l-korruzzjoni speċjalment fid-dawl li pajjiżna kiseb l-agħar riżultati li qatt kiseb fl-indiċi internazzjonali tal-korruzzjoni.

Dan filwaqt li temmet billi talbet għal iktar attenzjoni relatata mal-proċess tal-public procurment.