Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ddikjarat li kien hemm biżżejjed provi prima facie biex koppja tgħaddi ġuri wara li allegatament evadiet €1.5 miljun f’taxxi. Nigel Scerri u Mikaela Scerri, accountants wara d-ditta Ennesse qed jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus u evażjoni tat-taxxa wara li investigazzjoni sabet diskrepanzi fil-ħlasijiet tat-taxxa u tal-VAT.
Il-koppja hi akkużata wkoll li pprovdew dokumenti foloz lill-Kummissarju tat-Taxxa, fost sensiela ta’ akkużi oħra. Hemm akkużi wkoll kontra l-kumpaniji Ennesse, Nimik Ltd, Accountingwise Ltd, Davvero Ltd, Payrise Limited, NYG Ltd, Sopralific Ltd, Starseekers Ltd, Volando Ltd, Drivingforce Limited, Delvetro Ltd, Double Leisure Ltd, Obregado Ltd, Performante Ltd u Semprenoi Ltd. Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi kollha miġjubin kontrihom. Ir-rappreżentanti tagħhom ukoll qed jiċħdu l-akkużi miġjubin kontrihom.
Matul is-sena l-oħra, Nigel Scerri li jaħdem bħala accountant, kien issemma f’portal tal-aħbarijiet li allegatament ippropona sabiex dar stmata ta’ €2.5 miljun fi Triq George Borg Olivier f’Tas-Sliema, tingħadda lill-Fondazzjoni Soup Kitchen, liema fondazzjoni iddistanzjat ruħha minn Scerri.
Fil-Qorti, l-Ispettur Tonjoe Farrugia elenka sensiela ta’ tranżazzjonijiet li saru fl-2016 u qal li l-koppja kellha total ta’ 26 kont bankarju, li 19 minnhom kienu bbażati f’Malta. Kontijiet bankarji oħra kienu jinsabu f’pajjiżi tal-UE bħall-Ġermanja, il-Belġju u l-Litwanja.
Mikaela Scerri qalet lill-Pulizija fl-istqarrija tagħha, li l-kontijiet bankarji barranin twaqqfu biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-assi kollha tagħhom jiġu ffriżati jekk klijent ikollu jitlob ordni ta’ sekwestru. Farrugia semma wkoll l-investimenti tal-koppja fil-proprjetà u donazzjonijiet li allegatament Mikaela Scerri rċeviet mingħand missierha.
Il-koppja qalet lill-Pulizija li kienu ħallsu l-proprjetà bl-użu tat-tfaddil tagħhom. Uħud minn dik il-proprjetà kienet saħansitra mikrija u l-koppja kienet qed taqla’ dħul minnha. Fi tmiem is-seduta tal-Ħamis, il-Qorti ddikjarat li kien hemm biżżejjed evidenza biex il-koppja titpoġġa taħt att ta’ akkuża u l-każ ikompli wara li d-difiża ddeċidiet li ma tikkontestax il-prima facie.
Fis-seduta preċedenti, accountant mill-amministrazzjoni Maltija tat-Taxxa u d-Dwana (MTCA) qal li l-każ kien ġie riferut lill-MTCA mill-Pulizija u inizjalment bdew jivverifikaw il-perjodu bejn l-2016 u l-2022, madankollu, spiċċaw jikkompilaw rapport kurrenti sa Mejju 2024.
L-awditjar skopra wkoll li l-koppja kienet ħadet żewġ self għal dar, wieħed ta’ madwar €400,00 u ieħor ta’ madwar €500,000, li tħallsu lura fi tlieta u tmien xhur rispettivament.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Tonjoe Farrugia u l-avukat tal-AG Rebecca Spiteri. L-avukati difensuri Joe Giglio u Michaela Giglio qed jidhru għall-akkużati.
Il-każ ikompli fit-18 ta’ Marzu fin-12:30pm.
//= $special ?>