Lokali Qorti

Chris Cardona u David Gatt se jixhdu fil-ġuri b’rabta mal-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia

L-Eks Ministru Chris Cardona u l-avukat David Gatt se jkunu mħarrka biex jixhdu fil-ġuri bil-ġurati tal-erba’ rġiel akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iddeċidiet il-Qorti. L-Imħallef Edwina Grima, fil-Qorti Kriminali, iddeċidiet li Cardona u Gatt għandhom jiġu inklużi fost ix-xhieda tad-difiża mħarrka biex jixhdu waqt il-ġuri, li sa issa għad m’hemmx data għal meta se jsir.

Hija tat “permess speċjali” biex isimhom jiġu inklużi fil-lista tax-xhieda tad-difiża biex jiġi żgurat li l-akkużati ma jiġux miċħuda ċ-ċans li jipproduċu evidenza li kienet meqjusa importanti. Hija tat is-sentenza hekk kif kompliet tisma’ l-eċċezzjonijiet ta’ qabel il-ġuri fil-kawża kontra Jamie Vella, George Degiorgo u l-aħwa Maksar Adrian u Robert Agius.

L-irġiel qed jiffaċċjaw akkużi kriminali għall-allegat involviment tagħhom fil-qtil tal-ġurnalista li nqatlet f’karozza bomba qrib id-dar tagħha f’Ottubru 2017, kif ukoll fil-qtil tal-avukat Carmel Chircop, li nqatlel b’tiri fil-bieb tal-garaxx tiegħu f’Birkirkara fl-2015.

F’seduta preċedenti, l-avukat ta’ Jamie Vella, Ishmael Psaila, ippreżenta rikors fil-Qorti fejn talab li Cardona u Gatt jixhdu fil-ġuri. Sostnew li l-prosekuzzjoni qed iżżomm provi mix-xhieda ta’ Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu.

Fir-rikors tal-Qorti ntqal li fix-xhieda ta’ Muscat huwa implika lil Cardona u Gatt kemm fil-pjanijiet tal-2015 kif ukoll tal-2017 biex joqtol lil Caruana Galizia. Il-Qorti qabel semgħet li fl-2015, kien hemm pjan abbandunat biex il-ġurnalista tinqatel. Cardona kien diġà implikat minn Vince Muscat f’dan il-ftehim tal-2015.

Id-difiża fil-Qorti argumentat li l-prosekuzzjoni kienet selettiva ħafna bix-xhieda ta’ Muscat peress li ma tatx kas tal-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ Cardona u Gatt. Qalet ukoll li mhux ċar jekk Cardona jew Gatt qattx ġew interrogati jew investigati. Psaila żied jgħid li l-prosekuzzjoni “b’mod konvenjent” iffokat fuq l-investigazzjoni tal-erba’ persuni mressqa għal dan il-każ, aktar milli fuq Cardona u Gatt.

Permezz ta’ dan ir-rikors fil-Qorti, id-difiża talbet konferma dwar jekk Cardona u Gatt ġewx investigati jew le u talbet li jixhdu qabel jibda l-ġuri. L-Avukati Ġenerali Anthony Vella u Godwin Cini kkontestaw din it-talba. Sostnew li d-difiża ma spjegatx ir-rilevanza li dawn il-partijiet tax-xhieda ta’ Muscat kellhom x’jaqsmu ma’ dan il-każ. Anke jekk Caruana u Gatt jitressqu jixhdu, għandhom kull dritt li ma jgħidux kelma, qalu.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Grima qalet li tinsab “perplessa” għaliex id-difiża qajmet din il-kwistjoni issa, lejlet il-ġuri bil-ġurija. Hija sabet li ma kienx hemm bżonn li l-każ jintbagħat lura quddiem il-Qrati tal-Maġistrat biex jisimgħu x-xhieda ta’ Cardona u Gatt, kif kien qed jintalab mid-difiża.

Dan jittardja l-proċess bla bżonn. Madankollu, hija ddeċidiet li biex tiżgura li Vella ma jiġix miċħud iċ-ċans li jippreżenta provi li huwa iqies importanti fid-difiża tiegħu, hija tat permess speċjali biex jiżdiedu l-ismijiet ta’ Cardona u Gatt mal-lista tax-xhieda tad-difiża. Huma għandhom id-dritt li jagħżlu li ma jweġbux għall-mistoqsijiet li jsiru lilhom, sabiex ma jinkriminawx lilhom infushom.

L-Imħallef żiedet tgħid ukoll li wieħed mix-xhieda tal-prosekuzzjoni kien is-Supretendent Keith Arnaud, li kien investigatur ewlieni. Id-difiża setgħet tagħmel xi mistoqsijiet, dwar min kien u qed jiġi investigat, lilu waqt il-kontroeżami waqt il-proċess.

Għal Jamie Vella qed jidher l-Avukat Ishmael Psaila.