Lokali

“Gvern insensittiv għar-realtajiet tal-familji Maltin u Għawdxin” – PN

Bl-attitudni tiegħu fil-Parlament ilbieraħ waqt id-dibattitu fuq il-Mozzjoni tal-PN dwar l-għoli tal-ħajja, il-Gvern wera li mhux fuq in-naħa tal-poplu

Bl-attitudni tiegħu fil-Parlament ilbieraħ waqt id-dibattitu dwar il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni fuq l-għoli tal-ħajja, il-Gvern wera b’mod ċar li għalih il-kwalità tal-ħajja u l-livell tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin jiġu l-aħħar. Tal-Labour ilbieraħ urewna li mhumiex fuq in-naħa tal-poplu.

Għall-kuntrarju l-Partit Nazzjonalista wera għal darba oħra li qed jagħti kas il-weġgħat tan-nies u ladarba l-Gvern Laburista qed jagħżel li jwarrab għalkollox is-soluzzjonijiet li qed toffrilu l-Oppożizzjoni minn issa biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, irid ikun Gvern ġdid Nazzjonalista li jimplimenta dawn il-miżuri fl-ewwel budget li jressaq.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tal-Finanzi, ix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Charles Azzopardi spjegaw kif ilbieraħ, fuq materja li tolqot mill-qrib lill-familji kollha Maltin u Għawdxin, il-Gvern wera kemm jinsab maqtugħ mir-realtajiet tal-ħaddiema bil-paga, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-pensjonanti li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali, min iħaddem, in-negozji ż-żgħar u medji, u s-self-employed.

Dan meta l-ewwel ipprova jħassar il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex minflok is-soluzzjonijiet li qed jipproponi l-PN idaħħal tifħir lill-Gvern b’emenda mressqa mill-Ministru Miriam Dalli, u mbagħad meta pprova jwaqqaf l-emenda mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni għall-emenda tiegħu permezz tal-intervent tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Naomi Cachia li qamet toġġezzjona li dan ma kienx skont il-proċedura.

Dan l-aġir tal-Gvern kontra l-familji Maltin u l-Għawdxin kompla joħroġ fil-beraħ meta ntalab Ruling bl-iskop li l-kontroemendi mressqa mill-Partit Nazzjonalista jiġu ddikjarati inammissibbli.

Iż-żewġ Shadow Ministers fakkru wkoll li kuntrarju għal kif inhi l-prassi għal Mozzjonijiet imressqa mill-Oppożizzjoni u diskussi fis-seduta riżervata għall-Oppożizzjoni, fuq insistenza tal-Gvern fi tmiem id-dibattitu tal-bieraħ ma ttieħed l-ebda vot fuq il-Mozzjoni, bil-vot se jittieħed f’seduta oħra fil-ġimgħat li ġejjin.

Anke dan minnu nnifsu juri Gvern insensittiv li lanqas ried li jivvota lbieraħ stess fuq materja li tolqot mill-qrib lill-familji kollha Maltin u Għawdxin wara li d-deputati kollha tiegħu li tkellmu waqt id-dibattitu, inkluż il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu, tkellmu kontra din il-Mozzjoni u s-soluzzjonijiet tal-PN biex tiġi indirizzata l-pjaga tal-għoli tal-ħajja. Agħar minn hekk, imbagħad, spikka t-tentattiv tad-Deputati Laburisti biex iressqu l-emendi biex iħassru mill-Mozzjoni s-soluzzjonijiet li ppropona l-PN u jdaħħlu, minflok, kliem ta’ tifħir għalihom infushom.

Claudette Buttigieg u Charles Azzopardi osservaw ukoll kif wara li għamel l-intervent tiegħu waqt is-seduta, il-Prim Ministru lanqas kellu d-diċenza jibqa’ fil-Kamra tar-Rappreżentanti biex jisma’ l-interventi ta’ sħabu stess, aħseb u ara kemm jista’ jisma’ l-karba tan-nies u lill-poplu li qed ibati. B’diżrispett assolut, Abela qabel u telaq ’il barra u ġie jaqa’ u jqum minn dak li kienet qed tipproponi l-Oppożizzjoni li permezz tad-deputati tagħha li tkellmu waqt is-seduta, spjegat is-soluzzjonijiet li qed toffri lill-Gvern. Dawn jinkludu:

·          It-tneħħija tat-taxxa fuq kull żieda li tingħata fil-pagi u l-pensjonijiet għall-għoli tal-ħajja sabiex il-ħaddiema u l-pensjonanti jkunu jistgħu jgawdu ż-żieda b’mod sħiħ;

·          Tax credits għal min iħaddem bħala għajnuna biex iż-żieda li jagħtu fil-pagi tal-ħaddiema jeħduha lura fi tnaqqis fit-taxxi sabiex ikunu jistgħu jinvestu iktar u joħolqu iktar impjiegi;

·          Il-ħolqien ta’ fond nazzjonali li jagħti appoġġ finanzjarju lill-operaturi Maltin u Għawdxin li jimpurtaw u jesportaw sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż li qed iwasslu għall-għoli tal-ħajja;

·          Bidla fil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna sabiex ma jibqax mudell ibbażat fuq iż-żieda bla rażan u bla pjan tal-popolazzjoni iżda jsir mudell imsejjes fuq setturi ekonomiċi ġodda li joħolqu impjiegi b’pagi aħjar.

Ix-Shadow Ministers fakkru li bil-Mozzjoni tal-bieraħ ġiet fi tmiemha ġimgħa ta’ dibattiti Parlamentari li matulhom ħarġet id-differenza ċara bejn iż-żewġ partiti.

Filwaqt li fil-bidu tal-ġimgħa tal-Labour ressqu fil-Parlament liġi li biha se jneħħulek id-dritt li tiftaħ Inkjesta Maġisterjali ħalli jipproteġu lilhom infushom u lil ta’ madwarhom minn investigazzjonijiet fuq il-korruzzjoni, bil-Mozzjoni li ressaq ilbieraħ, il-PN qed iressaq soluzzjonijiet għall-problema tal-għoli tal-ħajja, biex jgħinek tindirizza l-problemi tiegħek. Proposti li magħhom jaqblu l-parti l-kbira tal-imsieħba soċjali f’pajjiżna li jaqblu wkoll mal-mudell ekonomiku ġdid li qed jipproponi l-PN.

“Tal-Labour jaħsbu biss fihom infushom, il-Partit Nazzjonalista jaħseb biss fik u l-familja tiegħek. Il-Partit Laburista jagħtik il-ġenb, aħna npoġġuk fiċ-ċentru bi proposti konkreti biex niġġieldu l-problemi li tiffaċċja ta’ kuljum ħalli int tkun tista’ tgħix aħjar”, temmew iż-żewġ kelliema.