Knisja Kunsilli Lokali Lokali

“Huwa ċar li kien attakk ikkordinat”

“Dan l-attakk ikkordinat sar biex ixewwex lill-poplu ħalli ma jattendix għall-festa ta’ San Pawl, u biex jipprova jintimida lill-Pawlini.”

Hekk stqarr l-Arċipriet tal-Paroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, Fr David Cilia, wara sensiela ta’ attakkati li saru kemm fuq il-parroċċa kif ukoll fuq in-nies varji li jtellgħu il-festa ta’ San Pawl, fil-Belt Valletta – attakki li fil-qalba tagħhom kien hemm il-midja Laburista.

Fil-fatt, is-Super One ħareġ b’sensiela ta’ attakki fuq il-festa ta’ San Pawl u l-kleru tal-parroċċa; sa artiklu jattakka lil Viċi Arċipriet David Torpiano, proprju fil-ġimgħa tal-festa.

L-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu stqarr li ħassu diżappuntat ferm li sar “boycott” mis-Sindku Laburista l-ġdid Olaf McKay, li kien l-ewwel Sindku fl-istorja tal-Kunsilli li m’attendix għal Pontifikal solenni u għall-attivitajiet l-oħrajn tal-festa.

Fr. David Cilia sostna kif l-aġir tas-Sndku u l-aġir ta’ dawk li attakkaw il-festa huwa tal-misħija għaliex flok jixprunaw l-għaqda qed ikomplu jiżirgħu żerriegħa perikoluża.

L-Arċipriet tkellem ukoll fuq ix-xogħol li hu meħtieġ rigward ir-restawr fuq il-faċċatta tal-Kolleġġjata u kif matul is-snin saru attentati sabiex dan il-proġett jiġi mtawwal.

Dwar dan il-proġett, hemm appoġġ totali mill-kunsillieri tal-PN fil-Belt Valletta.

Hu stqarr li il-Kunsill Lokali tal-belt kapitali għandu jinsa’ d-differenzi u jaħdem biss sabiex jippreserva dak li hu tal-Beltin filwaqt li dejjem jixpruna l-għaqda.

L-Arċipriet David Cilia għalaq billi rringrazzja lil dawk kollha li kienu ta’ spalla għalih filwaqt li reġa’ appella sabiex l-ebda festa reliġjuża f’Malta ma tingħata timbru jew kulur – filwaqt li tieħu xi trattament inqas minn ħaddieħor.