Internazzjonali

Il-Ġermanja:  L-attakk fi Munich x’aktarx li motivat minn ideal Ġiħadista

Ir-raġel Afgan li nhar il-Ħamis inżamm taħt arrest wara li saq il-karozza għal fuq folla ta’ dimostranti fil-belt ta’ Munich ammetta responsabbiltà għall-azzjoni li ħalliet ‘il fuq minn 30 midruba.

Dan waqt li l-prosekuturi, wara l-investigazzjoni inizjali, ikkonkludew li l-aggressur kellu motivazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon u li seta’ aġixxa fuq l-istess stil ta’ ‘Ġiħadista’ (militanti Iżlamiku).

Il-Prosekuturi fi Munich qalu lill-media li l-aggressur kien għajjat “Allahu Akbar” fil-ħin meta spiċċa arrestat fuq il-post tar-reat….Azzjoni li fiha tifla ta’ sentejn spiċċat midruba kritikament u b’diversi persuni oħra jsofru l-ġrieħi serji.

L-attakk bil-vettura, waqt li kienet għaddejja dimostrazzjoni organizzata minn trade union ewlieni, kellu jseħħ għaxart ijiem qabel il-poplu Ġermaniż jivvota fl-elezzjonijiet federali. Qabel din l-azzjoni fil-Ġermanja kien hemm sensiela ta’ attakki simili mwettqa wkoll mill-immigranti u meta tnejn mill-aggressuri responsabbli ġejjin mill-Afganistan.

Il-President tal-Ġermanja, President Frank-Walter Steinmeier, fl-aħħar sigħat żar is-sit tar-reat fi Munich u, fost il-kummenti sussegwenti, qal li ‘il-poplu kollu jinsab imkisser mentalment wara azzjoni daqshekk brutali’.

L-aggressur ta’ Munich, għalissa, qed jissemma biss bħala Farhad N, li għandu 24 sena. Intant, dan ir-raġel, waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija, qal li kien saq il-karozza ‘b’intenzjoni ċara’ għal fuq id-dimostranti fi Munich.

Hu, ftit wara, tressaq il-qorti fost rapporti li hu ma kellu l-ebda rekord kriminali preċedenti u meta lanqas mhemm il-provi ċari ta’ rabtiet bejnu u xi grupp tal-Ġiħadisti Iżlamiċi.

Farhad N kien mar jgħix fil-Ġermanja fl-2016 u għalkemm l-applikazzjoni tiegħu għall-kenn politiku ma kenitx aċċettata hu xorta tgħalla jibqa’ fil-pajjiż u fejn kellu wkoll dokumenti għal residenza validi flimkien ma’ visa tax-xogħol.

Fl-istess ħin, il-Prosekuturi fi Munich ikkonfermaw li Farhad N kien qed jgħix fil-Ġermanja legalment.