Lokali

Il-Gvern għandu jgħid x’azzjoni legali se tittieħed kontra s-sid tal-iljuni u l-leopard li nstabu fl-aħħar tas-sena f’kundizzjonijiet ħżiena – PN

Il-PN jilqa’ l-liġi ġdida li tagħti amnestija lil min għandu annimali eżotiċi għax jemmen li tista’ twassal biex ikollna inventarju aktar reali ta’ kemm hawn minn dawn l-annimali f’pajjiżna

Stqarrija maħruġa mid-deputat tal-Partit Nazzjonalista ix-Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Ħarsien tal-Annimali Janice Chetcuti

“Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jiddikjara x’azzjoni legali se tittieħed kontra s-sid tal-erbat iljuni u l-leopard li nstabu lejliet l-Ewwel tas-Sena f’kamra mudlama, mimlija ħmieġ u bil-ġuħ f’razzett fil-limiti tan-Naxxar. Dan wara li issa sirna nafu, minn tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari li saret lill-Ministru Anton Refalo,  li sar magħruf minn hu s-sid ta’ dawn l-annimali eżotiċi.

Nappellaw ukoll lill-Gvern biex jgħidilna fiex wasal il-proċess ta’ rilokazzjoni ta’ dawn l-annimali li nstabu fl-Għallis, u x’inhi l-kundizzjoni tagħhom illum.

Filwaqt li tinsisti u xorta tibqa’ tistenna li tittieħed azzjonali legali immedjata kontra kull min jaħqar l-annimali, inkluż f’dan il-każ, l-Oppożizzjoni tilqa’ l-liġi mħabbra din il-ġimgħa mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali biex tingħata amnestija lil dawk l-individwi kollha li għandhom annimali eżotiċi mhux reġistrati skont il-liġi li kienet għaddiet fl-2016.

F’din il-liġi kien ġie stipulat li ħadd ma seta’ jimporta annimali eżotiċi f’pajjiżna jekk mhux biex jinżammu f’zoo liċenzjat. Dawk l-individwi li mhumiex konformi mal-liġi se jkollhom 90 ġurnata ċans biex jirregolaw irwieħhom u jirreġistraw l-annimali tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li dan l-eżerċizzju jista’ jwassal biex ikollna inventarju aktar reali ta’ kemm hawn minn dawn l-annimali eżotiċi f’pajjiżna. Imma huwa importanti ħafna li l-iskop ewlieni tal-liġi jibqa’ dan u nittamaw li dan l-eżerċizzju mhux qed isir biex jiġu aġevolati individwi fuq livell personali, kif iħobb jagħmel b’mod konsistenti l-Gvern Laburista anke fid-dawl tas-sejba tal-erbat iljuni u leopard fl-aħħar tas-sena.

Is-sejba ta’ dawn l-annimali li kienu miżmuma illegalment f’kundizzjonijiet ħżiena u ta’ abbandun kienet uriet kemm il-Gvern mhux ippreparat biex jilqa’ għal każi bħal dawn. Dan għaliex minkejja li l-liġijiet eżistenti jitkellmu b’mod ċar li annimali bħal dawn għandhom jiġu kkonfiskati mill-ewwel u tinstabilhom akkomodazzjoni temporanja sakemm jintbagħtu lura f’riserva naturali li tipprovdi l-ħabitat adattat fejn ikunu jistgħu jkomplu jgħixu fl-ambjent tagħhom, il-Gvern ma kellux fejn iżommhom għax ma qatt ma ħaseb għal dan.

F’Malta l-Gvern ma ħoloq l-ebda post li jista’ jipprovdi l-kenn lil dawn it-tip ta’ annimali li ħafna drabi jiġu misjuba f’kundizzjonijiet mhux xierqa, kif ġara f’dan il-każ. Każ li ħareġ fil-beraħ biss bis-saħħa ta’ grupp ta’ attivisti favur l-annimali.

Fid-dawl ta’ dan nappellaw ukoll lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-drittijiet tal-annimali biex tgħidilna wkoll jekk il-Gvern hux qed jaħdem biex tinstab soluzzjoni anke fir-rigward tal-kwistjoni tal-akkomodazzjoni adegwata għal annimali bħal dawn.”