Wara żmien twil jinjora l-karba tagħhom, issa ħareġ b’masterplan li flok isolvi l-problemi, se jiggravahom.
Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija iffirmata minn Stanley Zammit, Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet; u x-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg.
Wara li għal żmien twil injora l-karba tal-Għawdxin fuq is-sitwazzjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet, u l-problemi tal-aċċessibbiltà fi Pjazza San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex, issa l-Gvern ħareġ b’Masterplan li qed jiġi propost għal din il-pjazza, imma għal darba oħra reġa’ ma tax widen għal dak li qed jinkwieta lir-residenti, u qabad u ressaq dan il-pjan mingħajr ma kkonsulta mal-komunità lokali qabel ippreżentah.
Mhux talli hekk, imma talli dan il-Masterplan minflok isolvi l-problemi eżistenti, se jkun qed iżidhom.
Ironikament, il-Masterplan ġie ppreżentat mill-Awtorità tal-Artijiet, l-awtorità li suppost qiegħda hemm biex timmaniġġja l-art pubblika fl-aħjar interess tal-pubbliku. Mill-banda l-oħra, anke f’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ippjanar, li suppost hija l-awtorità li tippjana l-użu tal-art, baqgħet siekta.
Minkejja li fil-passat saret protesta pubblika u l-Gvern wiegħed konsultazzjoni serja, l-attitudni tal-Gvern f’din il-kwistjoni baqgħet waħda li jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd u jieħu d-deċiżjonijiet mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha involuti.
Dan wassal biex fil-jiem li għaddew il-Parroċċa ta’ San Ġorġ esprimiet tħassib serju dwar il-pjan il-ġdid, u saħqet li flok isolvi l-problemi, se jiggravahom.
Dan għax mhux biss jidher li se jkomli jiġi limitat l-użu tal-pjazza, iżda wkoll se jinħolqu problemi prattiċi għal dawk li jużawha ta’ kuljum. Fost il-kwistjonijiet ewlenin li tqajmu hemm li karozzi tal-mejtin, tat-tiġijiet jew saħanistra ambulanzi – jekk jinqala’ l-bżonn – issa se jkollhom diffikultà akbar biex jaċċessaw il-pjazza, bla ebda rispett jew kunsiderazzjoni lejn il-ħtiġijiet tal-familji involuti f’okkażjonijiet bħal dawn, uħud minnhom delikati, bħalma huma l-funerali. Għall-kuntrarju, toroq oħra li llum huma aċċessibbli f’dawn iċ-ċirkostanzi, anke jekk xorta b’diffikultà fl-aċċess, issa qed ikun propost li jsiru zona pedonali.
Għal darba oħra l-Gvern qed jinjora l-vuċi tal-komunità u qed jimxi bi pjan li ma jirriflettix il-bżonnijiet tal-poplu. Pjazza San Ġorġ mhijiex biss tal-parruċċani, iżda hija wkoll post storiku u kulturali li jġib għaqda kemm bejn l-Għawdxin kif ukoll il-Maltin kollha. Il-pjazza għandha tibqa’ miftuħa u aċċessibbli għal kulħadd, u l-Gvern għandu jieqaf jippersisti b’deċiżjonijiet li jittieħdu mingħajr konsultazzjoni vera.
Dwar il-futur ta’ Pjazza San Ġorġ għandha ssir diskussjoni serja u trasparenti, li tirrispetta lil dawk kollha li jagħmlu użu minn din il-pjazza u li jħossuha bħala parti mill-identità tagħhom. Fid-diskussjoni għandhom ikunu involuti wkoll is-sidien tal-ħwienet, biex jintlaħaq il-bilanċ meħtieġ.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jisma’ lill-istakeholders kollha, jagħmel konsultazzjoni denja u jiżgura li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien tan-negozji, il-ħarsien tal-ispazju pubbliku u l-bżonnijiet tal-komunità.
//= $special ?>