“Dan mhux masterplan, imma pjan li jċaħħad lill-poplu mid-drittijiet tiegħu”.
Hekk kien deskritt il-pjan li ħejja l-Gvern għal Pjazza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex – bil-Bażilika ta’ San Ġorġ toħroġ b’saħħa tikkundanna l-mod kif tfassal dan il-masterplan.
F’post fuq il-midja soċjali, il-Bażilika ta’ San Ġorġ stqarret il-frustrazzjoni tagħha għall-fatt li qed tiġi njorata mill-Gvern, b’mod speċjali mill-Ministru għall-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi.
Dan l-imsejjaħ “masterplan”, jipproponi li ambulanza, hearse u tiġijiet jgħaddu minn triq dejqa biswit il-Bażilika – triq li saħanistra lanqas karozza kbira ma tgħaddi minnha. Bil-konsegwenza, li jekk dan il-pjan jiġi implimentat, funerali, tiġijiet u ambulanzi ma jkunux jistgħu jgħaddu lejn il-Bażilika.
Dan filwaqt li l-unika triq attwali li minnha huwa possibbli li jgħaddu dawn il-karozzi – se tkun qed issir pedolani. U għaldaqstant ma tħalli l-ebda rotta sabiex tieġ, hearse jew anke ambulanza f’każ ta’ emerġenza jkollhom aċċess għall-pjazza ta’ San Ġorġ.
![](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/14105635/ambulanza-ghawdex-rabat-600x297.jpg)
Fil-post ġie spjegat ukoll kif il-pjan tal-Gvern jinjora l-ammont ta’ tined u umbrelel estensiv li hemm fil-pjazza.
B’rabja u diżappunt, ġie spjegat ukoll li lanqas il-”masterplan” attwali mhu qed jiġi infurzat u għaldaqstant hemm dubji serji dwar jekk il-pjan li qed jiġi propost hux se jkun qed jiġi mħares.
Intant, jirriżulta wkoll, li saru talbiet diversi mill-Bażilika lill-Ministru responsabbli għall-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi, iżda minkejja li anke saru talbiet mill-Ministeru għall-Għawdex lil dan l-istess Ministru – dawn it-talbiet waqgħu fuq widnejn torox.
Huwa fid-dawl ta’ dan kollu, li l-Bażilika spjegat li ħasset il-bżonn li titfa’ dawl fuq is-sitwazzjoni, bit-talba lill-Gvern tkun ċara: isimgħuna.
//= $special ?>