Il-Gvern jinsab iffokat biss sabiex jiddefendi lilu nnifsu.
B’kuntrast, il-Partit Nazzjonalista għandu l-interessi tiegħu mixħutin kompletament fuq il-ġid tal-pajjiż.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista waqt il-programm Net Live l-għada li fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni fuq il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja fejn ġew imbuttati proposti għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi quddiem l-isfida taż-żieda fil-prezzijiet.
Bernard Grech insista li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem sabiex itaffi l-isfidi tal-poplu, Robert Abela u sħabu iridu jikkontrollaw il-Qrati biex jipproteġu lilhom infushom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li flimkien mad-Deputati Nazzjonalisti qed jagħtu lil Abela u lill-bqija tal-Gvern soluzzjonijiet biex jgħin lin-nies u mhux jisraqhom – iżda minflok, il-Gvern mhu jinteressah xejn.
Bernard Grech insista li Gvern Laburista ma jinteressahx mill-għoli tal-ħajja waqt li l-prezzijiet jiżdiedu, u l-mediċini out of stock qed jiżdiedu wkoll – sitwazzjonijiet li taħt Gvern Nazzjonalista se jkunu qed jiġu missielta.
Intant, Bernard Grech insista li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qiegħed jiffoka fuq mudell ekonomiku ġdid; mudell ekonomiku li jsaħħaħ l-infrastruttura u jagħti nifs ġdid lill-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>