Sport

L-aqwa plejers tal-badminton lokali fl-azzjoni

ll-Kampjonati Nazzjonali Assikura organizzati minn Badminton Malta saru b’suċċess fil-Kumpless tal-Isport f’Ħal Kirkop u fil-Mediterranean College of Sport f’Birkirkara. Kampjonati li matulhom kienu fl-azzjoni l-aqwa plejers tal-badminton lokali fejn fil-ħames kategoriji offrew konfronti diretti ta’ livell għoli li kompla jikkonferma l-progress li qed iseħħ f’dan l-isport.

Il-kompetizzjoni bdiet bl-ewwel fażi minn fejn eventwalment sar magħruf min għadda għas-semifinali. Fis-Singles tal-Irġiel, l-aqwa seed Sam Cassar u t-tieni seed Matthew Abela marru għall-finali wara wirjiet qawwija fil-partiti tas-semifinali rispettivi tagħhom. Fis-Singles tan-Nisa, Francesca Clark u Lauren Azzopardi rnexxielhom jegħlbu lill-isfidanti tagħhom u għaddew għall-finali.

Fil-finali tas-Singles tal-Irġiel, Matthew Abela għeleb lil Sam Cassar f’settijiet dritti (21-13, 21-17), biex reġa’ kiseb it-titlu nazzjonali. Francesca Clark rebħet il-finali tas-Singles tan-Nisa kontra Lauren Azzopardi (21-18, 21-9), u kisbet titlu nazzjonali ieħor.

Fid-doubles Matthew Abela u Matthew Galea għelbu lil Mark Abela u Sam Cassar 24-26, 21-13, 21-9 f’finali fuq tliet partiti. Fil-finali tad-Doubles tan-Nisa, Lauren Azzopardi u Elenia Haber kisbu t-titlu tagħhom wara li għelbu  24-22, 21-15 Francesca Clark u Martina Clark.

Fil-kategorija Mixed Doubles, Sam Cassar u Francesca Clark fil-finali għelbu lil Matthew Abela u Elenia Haber 21-18, 21-11.