Toni Bezzina, PN
Ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina qal fl-Aġġornament tal-Parlament li l-art agrikola għandha tingħata lill-bdiewa u r-raħħala għal skopijiet agrikoli.
Hu feraħ lill-Għaqda Bdiewa Attivi, l-FCCS (il-Farmer’s Central Co-Operative Society) u lill-Malta Food Agency li rnexxilhom jikkonvinċu lil wieħed mill-akbar supermarkets f’pajjiżna jpoġġi fuq l-ixkaffef tiegħu prodotti agrikoli lokali. Grazzi għall-ħidma ta’ diversi individwi, il-prodott lokali kiseb ir-rikonoxximent mistħoqq u fl-aħħar il-ħidma tal-bidwi u r-raħħal Malti u Għawdxi qed tiġi valorizzata u apprezzata.
Hu qal li għad fadal ħafna xi jsir u b’hekk biss il-bidwi u r-raħħal lokali jibda jaqla’ x’jiekol b’mod diċenti u fl-istess ħin il-konsumaturi Malti u Għawdxin jibdew igawdu minn prodotti agrikoli bi prezzijiet vantaġġjużi.
L-akbar poblema għal dan is-settur tibqa n-nuqqas kbir ta’ art agrikola. L-Għaqda Bdiewa Attivi, ħames xhur ilu, flimkien ma’ 23 entità agrikola oħra u mal-Kamra tal-Periti, ħargu stqarrija fejn talbu lill-Gvern, lill-pubbliku u lil kwalunkwe ‘stakeholder’ ieħor biex jirrikonoxxu li l-art agrikola għandha tintuża għal attivitajiet agrikoli u mhux għal skopijiet rikreazzjonali.
B’hekk biss pajjiżna jkun jista’ jipprovdi biżżejjed prodotti tal-ikel lokali biex f’każ ta’ pandemija, gwerra jew xi krizi oħra li timpedixxi jew tillimita l-importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel f’pajjiżna, il-poplu ma jbatiex il-ġuħ.
Toni Bezzina qal li minflok il-Gvern ikun ta’ eżempju u jkun hu l-ewwel wieħed li kull biċċa art agrikola proprjetà tiegħu tmur għand bdiewa ġenwini biex b’hekk il-produzjoni lokali tkun tista’ tiżdied u fl-istess ħin il-poplu jserraħ rasu li f’każ ta’ kriżi ta’ importazzjoni ta’ ikel, il-pajjiż ikollu biżżejjed prodott lokali biex jitma lil popolazzjoni tiegħu, grazzi għall-entità tal-Gvern ‘Project Green’, 15-il tomna raba’ agrikola fil-limiti tas-Siġġiewi u l-Qrendi se tmur għal skop rekreazzjonali.
Minn wara dahar il-Ministeru ghall-Agrikoltura u Sajd, ‘Project Green’ se tqassam 15-il tomna art agrikola f’220 plot ta’ 100 metru kwadru l-waħda biex tintuża għal skop rekreazzjonali. Dan il-preċedent jista’ jwassal biex minflok art agrikola tingħata lil bdiewa ġenwini biex jipproduċu prodotti lokali, l-art agrikola tittieħed mill-Gvern mingħand bdiewa ġenwini għal użu rikreazzjonali; u dan kollu għal xiri ta’ voti.
Jekk il-Gvern xtaq jalloka plots għal skopijiet rikreazzjonali, seta’ għamel dan fil-konfini tal-Għammieri u mhux se jeqred 15-il tomna raba’ agrikola ideali għall-użu mill-bdiewa u raħħala ġenwini.
Toni Bezzina kompla li filwaqt li hawn bdiewa u raħħala ġenwini, b’mod speċjali żgħażagħ, li qed jibku biex jakkwistaw biċċa art agrikola biex jespandu l-operat agrikolu tagħhom jew jibdew l-attività agrikola tagħhom, min-naħa l-oħra l-Gvern, minflok itihom daqqa t’id, jimminhom u jċaħħadhom minn dak li bi dritt hu ta’ fejda għall-operat agrikolu tagħhom. Filwaqt li, bil-limitazzjonijiet tiegħu, il-bidwi u r-raħħal qed jipprova jkun ta’ servizz għall-poplu, il-Gvern qed jagħti disservizz lil pajjiżna.
B’din l-attitudni, il-Gvern qed iwassal il-messaġġ li ftit li xejn jinteressah mill-iżvilupp tal-poplu billi jipprovdi l-mezzi neċessarji lill-bdiewa u r-raħħala biex jipprovdu sigurezza ta’ ikel f’każ ta’ kriżi fl-importazzjoni tal-ikel f’pajjiżna. Il-Gvern qed jigi jaqa’ u jqum; xhieda ta’ Gvern irresponsabbli u bla pjan fit-tul, sostna Toni Bezzina.
//= $special ?>