Internazzjonali

L-Ukrajna ma tarax li l-Istati Uniti għandha ‘pjan lest u konkluż’ għat-tmiem tal-gwerra  — bid-destin tal-Ukreni jibqa’ fl-ajru

Il-possibbiltà li l-Istati Uniti u r-Russja, ‘il quddiem, jiddeċiedu d-destin tal-Ukrajna mingħajr il-parteċipazzjoni tal-istess Ukreni allarmat mhux biss lit-Tmexxija fi Kiev iżda anki l-Istati tal-Ewropa u l-potenzi oħrajn imsieħba fin-NATO.

It-telefonata sorpriża li saret f’nofs il-ġimgħa bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-President Russu, Vladimir Putin, kompliet iżżid dan l-inkwiet — u fost indikazzjonijiet li l-Istati Uniti għandha tkun ‘komda’ b’sitwazzjoni fejn ir-Russi jibqgħu jokkupaw l-artijiet li ħatfu mindu l-ewwel truppi u tankijiet tal-Kremlin invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, issa, qed jappella b’mod iddisprat biex Donald Trump u l-Punent ‘bl-ebda mod ma jafdaw lil Putin’ u meta jinsab konvint li l-Mexxej Russu mhux se jwarrab għall-ambizzjonijiet territorjali tiegħu….Ambizzjonijiet fejn ir-Russja tista’ qed taħseb anki biex tespandi l-kontroll fuq  xi pajjiżi ġirien bħall-Polonja u l-Istati Baltiċi; ilkoll membri tan-NATO.

Meta wasal fil-Ġermanja biex jattendi għall-Konferenza ta’ Munich dwar is-Sigurtà, il-President Zelensky qal li ma jistax jara ‘pjan lest jew effettiv’ min-naħa tal-Istati Uniti minkejja l-ħafna ftaħir ta’ Trump dwar blueprint li jippermetti għat-tmiem mill-aktar fis tal-konflitt fl-Ukrajna.

U għalkemm Trump qal li l-uffiċjali tal-Istati Uniti, ir-Russja u l-Ukrajna ‘kienu se jiltaqgħu waqt il-Konferenza ta’ Munich’, Moska, wara, għamlitha ċara li ma kenitx se tibgħat delegazzjoni għas-summit dwar is-sigurtà.

Fl-istess ħin, intant, il-Viċi-President Amerikan, JD Vance, waqt kummenti lill-Wall Street Journal, qal li r-Russja ‘xorta waħda’ tista’ tispiċċa suġġetta għal sanzjonijiet flimkien ma’ ‘azzjoni militari potenzjali’, f’każ li Vladimir Putin ma jaqbilx dwar ftehim għall-paċi li jiggarantixxi l-indipendenza tal-Ukrajna għat-tul taż-żmien.

Dan minkejja s-sinjali — minn Washington u Moska — li l-Ukreni jkollhom bilfors iċedu għal parti minn pajjiżhom jekk iridu jiggarantixxu forma ta’ paċi mal-Kremlin.

Min-naħa tagħhom, l-Alleati tal-Istati Uniti msieħba fin-NATO għadhom qed jirreaġġixxu għall-istqarrija ta’ Donald Trump li hu u Vladimir Putin kienu qablu, permezz tal-imsemmija telefonata, biex jibdew it-taħditiet għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna li dalwaqt tagħlaq tlett snin.

Fl-istess ħin, il-President Zelensky qed jagħmilha ċara li l-Ukrajna mhi se taqbel qatt ma’ ftehim fejn l-Ukreni ma jkollhomx involviment sħiħ u xieraq.

Fl-aħħar sigħat, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Mark Rutte, qal li l-pajjiżi Ewropej imsieħba fl-Alleanza jridu jistqarru biċ-ċar ‘x’jistgħu joffru huma’ biex jaċċertaw minn ftehim għall-paċi dejjiema bejn l-Ukrajna u r-Russja.

Rutte, waqt kummenti fi Munich, sostna li ftehim għall-paċi kapaċi jkun irrealizzat ‘aktar malajr milli wieħed jaħseb’ u li l-pajjiżi Ewropej għandhom jippreżentaw il-pjani konkreti, ibbażati fuq il-fatti, għal dibattitu effettiv li kapaċi jwaqqaf għal kollox l-isparaturi u bumbardamenti fl-Ukrajna.

Il-Kap tan-NATO esprima fiduċja li l-Istati Ewropej kapaċi jqumu għall-okkażjoni u jikkonfrontaw din l-isfida sinifikanti għall-kontinent kollu. Fl-istess ħin, Mark Rutte enfasizza l-ħtieġa li l-Ukrajna tkompli tingħata l-għajnuna militari flimkien ma’ taħriġ fl-aspetti ta’ difiża.